Wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali f’sentenza li tat il-ġimgħa li għaddiet appellat lill-Gvern li wasal iż-żmien li stabbilimenti ta’ divertiment bħal strip clubs u gentlemen’s club jiġu rregolati f’leġiżlazzjoni, il-Ministeru għall-Ġustizzja iddikjara ma’ Talk.mt li l-ministeru se jkun qed jara li jkunu assigurati salvagwardji kontra sfruttament u traffikar għas-sess.
Din is-sentenza ingħatat wara li grupp ta’ żeffiena li kienu jaħdmu fi stabbiliment partikolari kienu tressqu quddiem il-ġustizzja, bil-Qorti tal-Appell Kriminali tgħid li hi tal-fehma li l-prosekuzzjoni għandha dejjem takkuża persuna fuq l-azzjonijiet tagħha, skond l-evidenza miġbura u mhux tagħmel fishing expedition. Mhux ġust illi jiġu mressqa individwi b’dawn l-akkużi, f’każijiet simili, meta qafas legali f’dan ir-rigward ma jeżistix.
Mistoqsi minn dan is-sit dwar l-appell tal-Qorti lill-awtoritajiet biex is-settur ikun regolat, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li “diskussjonijiet dwar dan is-suġġett diġa bdew, tant li fil-leġiżlatura li għaddiet kien twaqqaf kumitat interministerjali biex bdiet konsultazzjoni mal-istakeholders involuti. L-għanijiet ta’ kull inizjattiva għandhom ikunu dawk li jitħarsu persuni vulnerabbli u persuni li jaħdmu f’dawn l-istabbilimenti. Il-Ministeru tal-Ġustizzja flimkien mas-Segretarjat għall-Ugwaljanza u r-Riformi ser ikunu qed jaħdmu biex jintlaħaq dan il-għan u jkunu assigurati salvagwardji kontra l-isfruttament u t-traffikar għal skopijiet ta’ sess.”
Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell Kriminali kienet qalet li “kien tħejja pjan ta’ konsultazzjoni bilgħan li ssir liġi li tirregola, imma qatt ma immaterjalizzaw regolamenti.” Il-Qorti tal-Appell Kriminali, kienet iddikjarat li qiegħda ukoll tordna li kopja ta’ din is-sentenza tiġi komunikata lill-Ministru tal-Ġustizzja Dr. Jonathon Attard bilgħan li jara jekk hemmx lok li tiġi imfassla liġi biex tirregola l’hekk imsejħin ‘gentlemen’s clubs’, partikolarment il-ġestjoni ta’ dawn il-ħwienet u l-limiti li għandhom jiġu mposti għall-atti li jsiru ġewwa fihom.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet qalet li l-pulizija dakinhar tal-ispezzjoni deherilhom li kien kontra l-morali f’lok pubbliku jew espost għall-pubbliku mhux neċessarjament huwa mmorali għal persuni oħrajn b’make-up psikoloġiku jew trobbija differenti. Illum il-preżenza ta’ tfajliet pole dancing u lap dancing hija komuni ħafna f’pajjiżna u jinsab imferrex sew f’diversi nightclubs li joffru dan is-servizz. Di più anke l-ilbies skars tat-tfajliet b’tanga u bra ukoll aċċettabbli u aċċessibbli għal kulħadd kemm fuq il-mezz tat-televiżjoni kif ukoll fuq mezzi elettroniċi. Wasalna fl-istat fejn is-soċjetà tagħna m’għadhiex aktar tħares b’ċerta stmerrija lejn dawn l-attivitajiet.
Iddikjarat li “l-Qorti, madanakollu terġa’ tirrafferma li wasal iż-żmien li dawn l-istabbilimenti ta’ divertiment jiġu rregolati f’leġiżlazzjoni ad hoc u li jitpoġġa fuq saqajh qafas leġislattiv li jistabbilixxi liema hi dik l-attività li għandha tiġi permessa u liema għandha tiġi sanzjonata, u fuq kollox li jkun hemm il-ħarsien sħiħ mhux biss minn sfruttament ta’ dawk it-tfajliet li jintefgħu għal dan it-tip ta’ xogħol iżda, tas-soċjetà inġenerali billi jiġi definit ċar u tond min jista’ jiffrekwenta dawn it-tip ta’ stabbilimenti, sabiex jiġu mħarsin dawk il-persuni vulnerabbli fis-soċjetà b’mod partikolari il-minorenni.”