Friday, November 15, 2024

“Se naraw li tkun salvagwardjata ħajjet l-omm imma mhux a skapitu tat-tarbija”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qiegħed jisħaq li mingħajr serħan il-moħħ, mhiex ħajja. Filwaqt li bħala partit wiegħed li se jindirizzaw dak kollu li qiegħed jaffettwana ħalli jġib serħan il-moħħ, huwa fost affarijiet oħra, f’laqgħa politika li kellu f’Ħ’Attard reġa’ qabadha fuq l-emenda tat-tqala fejn qal li l-PN lesti li jissavagwardjaw u jikkuraw lill-omm imma mhux a skapitu tat-tarbija.

F’dak li huwa sejjaħ serħan il-moħħ, Bernard Grech, nesa jifhem li hemm każijiet serji fit-tqala li jistgħu jkunu perikolużi ħafna għal ħajjet l-omm u m’għarafx li din ukoll trid serħan il-moħħ. Nesa wkoll li t-tim mediku li jikkuraha, ukoll għandu bżonn ta’ serħan il-moħħ u ma jispiċċax jiffaċċja proċeduri kriminali għax dan kollu jagħmel xogħlu.

Fid-diskors imqanqal tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni, bħas-soltu, ma naqasx milli jikkritika dak kollu li qiegħed jagħmel il-Gvern Laburista inklużi l-proġetti kbar fit-toroq tagħna li għalihom, u hawn nikkwotaw lil Grech stess, hemm investiment ta’ xejn inqas minn €700 miljuni.

Filwaqt li allega li l-Gvern jgħid mod u jagħmel ieħor, il-Kap tal-PN qal li, “jipprova jimpresjonak li se jagħmlu t-toroq kollha f’seba’ snin imma issa qalu differenti. Meta kulħadd se jirrealizza li dan huwa Gvern tal-qerq? Meta jmiss lilek? Jien nixtieq li ma jmissx lilek,” kompla jberren Grech.

Huwa proprju b’dawn id-dubji li beda jsemmi, li poġġa lilu bħala s-soluzzjoni – “għalhekk qiegħed hawn jien. Biex nagħti serħan il-moħħ. Dik li tkun tista’ tmur torqod u għandek moħħok mistrieħ li għada għandek ix-xogħol, li għandek il-mediċina, li għandek x’tiekol, li tista’ tivvjaġġa u tasal fil-ħin, li uliedek ikunu siguri meta joħorġu mid-dar u li twettaq il-pjanijiet li jkollok”.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li meta huwa kien student l-unika inkwiet li kellu kienu dawk li ma jgħaddix mill-eżamijiet, jew li joħroġ jew ma’ dik jew mal-oħra u forsi jekk kellux fuel fil-karozza. Dan għax huwa kellu ġenituri li kienu jeħdulu ħsieb kollox u għax kellu serħan il-moħħ minħabba li dak iż-żmien kellu gvern nazzjonalista.

Huwa qal li dan huwa b’kuntrast għal-lum fejn imorru għandu nies jilmentaw għax inkwetati, min għal ħaġa u min għal oħra. Fil-lista negattiva li ta, Grech qal li wieħed m’għandux imur jittallab lill-Community Chest Fund għall-kura meta dan huwa dritt u mhux karità.

Bernard Grech saħaq li huwa jrid soċjetà li fiha tirrenja l-ġustizzja u jkun hemm serħan il-moħħ. Bħala PN, iridu jagħtu s-soluzzjonijiet u kien hawn li saħaq li l-lokalitajiet għandhom jitmexxew mill-PN. Iżda mhux biss. Wara huwa żied li, “dan mhux biss fil-lokalitajiet, imma anke reġjonalment u Malta u Għawdex kollha. Aħna rridu tmexxija serja fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu fl-interess taċ-ċittadin u tal-pajjiż kollu”.

Ekonomija

Sport