Wednesday, December 25, 2024

“Se nħallsek ta’ tliet ġimgħat paga u tersaqx ‘l hawn iżjed”

… bidlu s-serratura tal-uffiċċju u sarilha tiftix fil-kompjuter bla kunsens. Tirbaħ €2,500 f’kumpens

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Hi mara kapaċi jiġifieri. Għalhekk dak id-diżappunt, li hi kapaċi”, kienet tgħid waħda mix-xhieda fi proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali għal tkeċċija inġusta.

“Naf li keċċieha. Pruvajt  nifhem imma onestament ma fhimtx għadni”kienet kumment ieħor f’xhieda li ngħatat. Dan il-każ jinvolvi lil Ludmilla Moraru li kienet taħdem bħala Accounts Clerk f’kumpanija li bdiet b’ammont żgħir ta’ impjegati imma meta x-xogħol beda jiżdied u żdiedu l-impjegati bdew jinqalgħu il-problemi. L-impjegata fetħet proċeduri għax ħasset li ġiet imkeċċija inġustament u dan wara li f’daqqa waħda ġiet imwaqqfa milli tidħol fil-post tax-xogħol wara li sabet is-serratura tal-bieb mibdula fiż-żmien qasir kif ukoll sabet it-tneħħija tal-password privata tagħha kif ukoll sar tfittix ta’ informazzjoni minn fuq il-kompjuter tagħha mingħajr ma ġiet la infurmata jew mitluba permess.

It-Tribunal fil-kunsiderazzjonjiet tiegħu nnota li r-rikorrenti kienet ilha fl-impjieg, b’kuntratti, wieħed definit li wara sar indefinit, għal 26 xahar u li ġiet meqjusa bħal li rriżenjat wara li kellha diskussjoni mad-direttur tas-soċjetà intimata, barra mill-post tax-xogħol fuq talba tal-istess direttur u li minn dakinhar stess ma kellhiex aktar aċċess sabiex tibqa’ tidħol għax-xogħol. 

It-Tribunal qal li matul ix-xhur tal-impjieg qatt ma ġiet miġbuda l-attenzjoni tagħha li mhux qed taqdi d-doveri kif suppost jew li qed tikser xi regolament tas-soċjetà intimata. 

Intqal li “dan huwa każ simili għal ħafna, meta kumpanija fil-bidu tagħha, bi ftit impjegati (tlieta 3) u b’ammont aċċettabbli ta’ xogħol, tibda topera kif ingħad waqt il-proċess, qisha familja, fejn kulħadd jibda jagħmel l-almu tiegħu sabiex il-kumpanija tiggarantixxi l-għixien tal-impjegati tagħha. Jiġri li meta x-xogħol jiżdied konsiderevolment, kif ukoll jiżdiedu l-impjegati, f’dal każ (minn tlieta 3 għal disa’ 9),  is-soċjetà beda jkollha dawk il-problemi ta’ nuqqas ta’ tqassim ekwu tax-xogħol skont il-mansjonijiet speċifiċi ta’ kull impjegat. Ġie nnutat li wara li nbidlu xi impjegati u ġew oħrajn ġodda beda jkun hemm diżgwid fuq min u kif għandu jsir ix-xogħol, li issa l-volum u l-urġenza tiegħu bdew jiżdiedu, u li dan id-diżgwid kien qed jiffoka fuq ir-rikorrenti minħabba li hi kienet kemm amministratur kif ukoll Accounts Clerk tal-uffiċċju, filwaqt li l-impjegati l-oħra kellhom il-professjoni speċifika tagħhom, iżda kien kulħadd jagħmel it-talbiet tiegħu għall-għajnuna lilha.”

Intqal li “hu fatt importanti li ġie nnotat mit-Tribunal, meta nqala’ d-diżgwid fuq it-tnaqqis tat-taxxa u li dan kien wieħed mid-doveri assenjat lilha mill-kumpanija u li kienet titgħallem u tistaqsi kif għandha timxi mar-regolamenti pubbliċi  waqt li tagħmel dan ix-xogħol. Dan il-fatt ma ġiex ikkonfutat bl-ebda mod mill-kumpanija, u għaldaqstant ma ġiex ippruvat li hi kienet qiegħda tikser xi regolament, anzi bil-kontra, kienet qed isegwi dak li hu riferit bħala Public Policy. Dan l-andament wassal sabiex mill-kumpanija bdiet tittieħed direzzjoni sabiex lilha jibdew jittieħdulha doveri li kienu marbuta mal-grad propju tagħha.”

Intqal li “t-Tribunal Industrijali nnota li r-rikorrenti filwaqt li kienet awmentat l-esperjenza fix-xogħol tagħha u anke kienet persuna fdata biċ-ċwievet tal-post tax-xogħol, mħollija taħdem b’kundizzjonijiet ta’ xogħol flessibbli, għax kellha t-tfal, għenet fit-tkabbir tas-soċjetà intimata. Madankollu, f’daqqa waħda ġiet imwaqqfa milli tidħol fil-post tax-xogħol wara li sabet is-serratura tal-bieb mibdula fiż-żmien qasir kif ukoll sabet it-tneħħija tal-password privata tagħha kif ukoll sar tfittix ta’ informazzjoni minn fuq il-kompjuter tagħha mingħajr ma ġiet la infurmata jew mitluba permess. Indirettament ġiet mitluba sabiex tagħżel sabiex tirriżenja mingħajr mhux biss lanqas mogħtija spjegazzjoni adekwata għalxiex kien qiegħed jiġi ssuġġeriet dan. Kien innotat li f’26 xahar tax-xogħol mas-soċjetà ma kien hemm l-ebda referenza ta’ xi twissijiet serji u aktar u aktar xi forma bażika ta’ xi dixxiplina min-naħa tas-soċjetà intimata li b’hekk seta’ jiġi indikat li r-rikorrenti kienet qed tonqos mid-dmirijiet tagħha u li dan kien qed iseħħ b’animu negattiv u premeditat sabiex hi titlaq mill-impjieg.”

It-Tribunal innota li l-andament vis-à-vis ir-rikorrenti inbiddel tali li rriżulta li bdiet tiġi ttrattata negattivament u li nġiebet f’sitwazzjoni li ma kellhiex triq oħra ħlief li ma tattendix aktar għax-xogħol.

It-Tribunal Industrijali fid-deċiżjoni tiegħu qal li “dejjem ippronunzja ruħu li terminazzjoni minn impjieg tfisser il-piena kapitali fil-kamp Industrijali, u taffettwa kemm lill-impjegat kif ukoll min jimpjega, fiż-żminijiet tal-lum fejn il-ħtieġa ta’ impjegati hija kbira. Għalhekk it-Tribunal f’dan il-każ jidħollu dubju meta f’ħin jingħad li l-kumpanija riedet li l-impjegata tbiddel l-atteġjament tagħha sabiex tinżamm fl-impjieg filli f’ħin taċċetta riżenja mingħajr ma tagħmel l-ebda proċedura ta’ dixxiplina fuq dak li allegament kienet għamlet ħażin.  Kien fatt ċar li filwaqt li l-impjegata qatt ma offriet riżenja jew aċċettat li għamlet hekk, min-naħa tagħha l-kumpanija issottomettiet formola ta’ riżenja lill-Jobs Plus mingħajr ma kellha l-ebda konferma min-naħa tal-impjetata.” 

Għaldaqstant, it-Tribunal iddeċieda li t-terminazzjoni mill-impjieg tar-rikorrenti kienet waħda ta’ tkeċċija inġusta u ġiegħlet lill-kumpanija tħallas kumpens ta’ €2,500 fi żmien xahar minn din id-deċiżjoni. 

Ekonomija

Sport