Thursday, March 28, 2024

IL-Patt Aukus… L-Istati Uniti akkużata li qed thedded il-paċi

Il-ftehim ta’ Biden mal-Awstralja u mar-Renju Unit qajjem rabja fost għadd ta’ mexxejja

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Id-deċiżjoni tal-President Amerikan, Joe Biden, li jifforma alleanza strateġika mal-Awstralja u r-Renju Unit biex jilqgħu lill-forzi militari Ċiniżi waslet għal rabja minn diversi pajjiżi.

Franza, l-Unjoni Ewropea u wara l-Korea ta’ Fuq u l-Iran, saħqu li dan it-tip ta’ ftehim jiddistabbilizza u jhedded il-paċi mondjali fejn ingħad ukoll li minkejja l-wegħdiet ta’ bidla li Biden għamel qabel ma ħa postu fit-tmexxija tas-superpotenza Amerikana, fil-verità dan il-mexxej ġdid qiegħed juri kemm huwa l-istess bħall-predeċessur tiegħu, Donald Trump.

Franza u l-blokk Ewropew esprimew rabja u diżappunt għall-patt milħuq “AUKUS” (Australia-United Kingdon-United States). Din l-inizjattiva taħt il-kappa tas-sigurtà fl-oċejan Indjan Paċifiku tħabbret f’nofs dan ix-xahar fejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit qablu li jgħinu lill-Awstralja tiżviluppa u tuża sottomarini nukleari biex tiżdied il-preżenza militari tal-Punent fir-reġjun Paċifiku.

Għalkemm fl-aħbar konġunta mill-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u l-President Amerikan Joe Biden ma speċifikawx pajjiż partikolari, sorsi mill-White House qalu li l-patt huwa biex jilqa’ għall-influwenza tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (PRC) fir-reġjun.

Il-ftehim jinkludi alleanza fi żviluppi ta’ intelliġenza artifiċjali (AI), gwerer ċibernetiċi, kapaċitajiet taħt il-baħar u tisħiħ f’attakki ta’ miri ‘l bogħod. Dan jinkludi wkoll l-element nukleari fejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit se jikkollaboraw għal infrastruttura nukleari ta’ difiża. Barra minnhekk, l-istess alleanza se twassal biex il-pajjiżi jaqsmu informazzjoni sigrieta bejniethom u din tinkludi wkoll lin-New Zealand u l-Kanada.

Pass ieħor minn Biden immaqdar

Ir-relazzjonijiet tajba li ħafna ħasbu li se jkun hemm bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti sfaxxaw fix-xejn. AUKUS li bil-kbir jeskludi lill-Franza u lill-blokk Ewropew, huwa l-aħħar daqqa ta’ ħarta minn serje ta’ passi mmaqdru li jkopru dak tal-Afganistan u l-Lvant tal-Ażja. Dawn id-deċiżjonijiet minn Biden qatlu kompletament l-aspettativi kollha li kellha l-Unjoni Ewropea fl-amministrazzjoni ġdida Amerikana.

Wara li Biden wiegħed lill-mexxejja Ewropej li l-“Amerika ġiet għal dak li kienet qabel” il-famuż slogan “America is Back”, huwa beda jwarrab għadd ta’ alleati b’deċiżjonijiet li ħa waħdu fuq kwistjonijiet politiċi u militari importanti ħafna.

Il-gvern Franċiż esprima diżappunt kbir għal din l-aħħar mossa minn Biden u wasal biex qal li dan huwa att ta’ tradiment li sar minn wara daharna. L-Unjoni Ewropea min-naħa tagħha sostniet li ma ġietx ikkonsultata qabel ma ġie ffirmat il-patt AUKUS.

L-Istati Uniti u r-Renju Unit, permezz ta’ dan il-patt, se jgħinu lil Canberra tibni sottomarini nukleari. Konsegwenza ta’ dan, Franza mistennija titlef ftehim ta’ madwar €85 biljun f’bini ta’ sottomarini għall-Awstralja.

B’risposta għall-kontroversja u tmaqdir Biden qiegħed jinsisti li l-patt se jibqa’ fis-seħħ iżda wiegħed li se jċempel lill-Prim Ministru Franċiż Macron. Sadanittant is-Segretarju tal-midja Amerikana, Jen Psaki, għamilha ċara li l-Istati Uniti mhuwiex beħsiebu jagħmel tajjeb għat-telf finanzjarju li sofriet Franza minħabba l-patt AUKUS. Barra t-telf ekonomiku kbir li se jkollha Franza, il-pass ta’ Biden qajjem dubji kbar kemm l-Istati Uniti verament trid tikkopera mal-Ewropa biex issaħħaħ id-difiża u s-sigurtà fil-kontinent tagħha.

“Il-biżgħa issa hija li Biden qiegħed jiffoka primarjament fuq iċ-Ċina u fuq ir-Russja”

Bħala ritaljazzjoni Franza qiegħda tipprova tikseb sostenn mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ħalli jipposponu ftehim kummerċjali bejn il-blokk u l-Awstralja. Din il-mossa hija parti minn pjan ta’ tpattija fil-konfront tal-Awstralja wara t-“tradiment” mill-amministrazzjoni f’Canberra li ħassret kuntratt ta’ bini ta’ 12-il sottomarini ma’ Franza.

Il-biżgħa wara dan il-patt strateġiku hija li Biden qiegħed jiffoka primarjament fuq iċ-Ċina u r-Russja. Minn Ġunju, dan il-mexxej ġdid għall-Istati Uniti rrabja bil-kbir l-akbar alleat tal-Amerika, jiġifieri Franza; qajjem dubji fost il-pajjiżi tal-Polonja u l-Ukranja minħabba nuqqas ta’ impenn għas-sigurtà tagħhom; u wassal għal tħassib serju fl-UE minħabba deċiżjonijiet li ħa fuq l-Afganistan u l-Lvant tal-Ażja. 

Dan barra li t-tama tal-Eworpej li Biden se jżomm il-wegħda li jagħmel negozjati mal-Iran dwar armamenti nukleari u li se jerġa’ jibda taħditiet ta’ paċi bejn Iżrael u l-Palestinjani, qiegħda tevapora għax kollox għadu wieqaf. Dan minkejja li Biden diġà ilu disa’ xhur fil-poter. 

Tellieqa għal min jibni l-aktar armi nukleari?

Il-patt AUKUS wassal tħassib serju anke fil-Korea ta’ Fuq fejn ingħad li din l-alleanza ġdida tmur kontra l-ħidma internazzjonali biex ma jiżdiedux ħafna l-armamenti nukleari. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq fi stqarrija qal li pass bħal dan jista’ jinstiga tellieqa għal min ikollu l-aktar ammont ta’ armi nukleari u li, “din il-preżenza fir-reġjun Asjatiku-Paċifiku mhiex mixtieqa u dawn huma atti li jistgħu jiddistabilizzaw il-bilanċ strateġiku fir-reġjun”.

Il-Korea ta’ Fuq akkuża lill-Istati Uniti li qiegħed jikser ftehim li jkun hemm kontroll fil-bini ta’ arrmi nukleari. Sadanittant il-ġimgħa l-oħra stess, il-Korea ta’ Fuq kien għaddej  b’testijiet ta’ missili balistiċi minn sottomarini tiegħu biex issa dan il-pajjiż huwa s-seba’ wieħed armat b’din it-tip ta’ teknoloġija. 

Dan kollu qiegħed isir f’perjodu ta’ tensjoni bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel. Preżentament, il-Korea ta’ Fuq għandu sanzjonijiet internazzjonali imposti fuqu proprju minħabba l-programmi ta’ armi nukleari u missili balistiċi li għandu.

“L-Amerikani ma jistħux!”

L-Iran min-naħa tiegħu akkuża li Biden qiegħed jimxi bl-istess mod kif kien jimxi Donald Trump. Il-mexxej suprem ta’ dan il-pajjiż, Ayatollah Ali Khamenei, akkuża lill-President Amerikan Biden li qiegħed jipprova jerġa’ jinnegozja ftehim nukleari li kellhom u dan qiegħed jagħmlu bl-istess talbiet li kien għamlilhom Trump. 

Fuq l-istess tema ta’ armi nukleari, issa li ħarġet l-aħbar ta’ AUKUS, aktar pajjiżi qegħdin jitfgħu l-attenzjoni tagħhom dwar dak li qiegħed jiġri fir-rigward. F’rapport fuq “France 24” Khamenei, b’referenza għall-pjan ta’ azzjoni konġunt bejn l-Iran u l-Istati Uniti (JCPOA), sostna li sena wara li Trump waqqfu u impona sanzjonijiet fuq pajjiżu, “l-amministrazzjoni preżenti Amerikana mhiex differenti minn dik ta’ qabilha għax kull m’hemm huwa logħob bil-kliem differenti. L-Amerikani verament ma jistħux meta jiġu kwistjonijiet nukleari”.

Armi nukleari fid-dinja:

* L-istati rikonoxxuti li għandhom armi nukleari huma l-Istati Uniti, ir-Russja, ir-Renju Unit, Franza u ċ-Ċina;

* L-istati li ddikjaraw li għandhom armi nukleari huma l-Indja, il-Pakistan u l-Korea ta’ Fuq;

* L-Iżreal indika li għandu fil-pussess tiegħu armi nukleari;

* L-istat li fl-imgħoddi kellhom fil-pussess tagħhom armi nukleari huma l-Afrika t’Isfel u r-Repubbliki ta’ dik li kienet l-Unjoni Sovjetika;

* Globalment, mis-70,300 armi nukleari attivi fl-1986, fl-2019 dawn niżlu għal madwar 3,750 bombi nukleari attivi u 13,890 bombi nukleari. Ħafna minn dawn l-armi nukleari ġew parzjalment żarmati iżda mhux meqruda;

* L-aktar pajjiż irrapportat li għandu armi nukleari huwa r-Russja b’total ta’ 6,257 segwit mill-Istati Uniti b’5,550. 

* Fit-tielet post hemm iċ-Ċina b’350, Franza b’290 u r-Renju Unit għandu total ta’ 225 arma nukleari;

* Dawn il-ħames stati splodew arma nukleari qabel l-1 ta’ Jannar 1967 u għaldaqstant għamlu trattat li jikkontrolla l-manifatturazzjoni tal-armi nukleari. Huma wkoll membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.

* L-Istati Uniti għandha armi nukleari maħżuna fil-Belġju, fil-Ġermanja, fl-Italja, fl-Olanda u fit-Turkija.

* Fl-2019 huwa rrapportat li l-Istati Uniti għandha madwar 150 arma nukleari fl-Ewropa;

* F’testjar ta’ armi nukleari ġew sploduti 528 fl-atmosfera u 1,528 taħt l-art. Total ta’ 2,056;

* L-Istati Uniti huwa l-uniku pajjiż li sploda bombi atomiċi f’attakk. Fl-istorja intużaw żewġ bombi atomiċi Amerikani u dawn saru kontra l-Ġappun li ħallew devastazzjoni sħiħa fuq Hiroshima u Nagasaki.

Ekonomija

Sport