“Quddiemna għandna tragward importanti. Fil-ġranet li ġejjin se titnieda l-Viżjoni Malta 2050. Viżjoni unika u ambizzjuża, bl-ewwel stadju jeħodna sal-2035 u t-tieni stadju se jeħodna sal-2050. Għalhekk li din insejħilha s-sena tal-azzar. Se nkunu qed nibnu l-pedament b’saħħtu ta’ fejn se nieħdu lil Malta fis-snin li ġejjin. Prosperità li se tibni fuq is-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna imma li se twassal fuq enfasi akbar fejn jidħol l-iżvilupp uman.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’diskors li għamel fil-Parlament waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi sabiex ikun implimentat il-Budget għal din is-sena. Budget ta’ €9.3 biljun, li kif spjega l-Prim Ministru, jekk wieħed iżid it-tax cuts mal-allokazzjonijiet, nitilgħu għal budget ta’ ’l fuq minn €9.5 biljun.
Dr Abela beda biex stqarr li dak li ġie ppreżentat mill-Gvern huwa l-aqwa budget fl-istorja ta’ pajjiżna. Min-naħa l-oħra, huwa semma kif madwarna fl-Ewropa, Gvernijiet oħra “qed jaqgħu bħad-dominoes” u “amministrazzjoni wara l-oħra lanqas mhi qed tkun kapaċi tgħaddi l-Budget.”
“Madwarna liż-żgħażagħ mhux stipendji ogħla qed jagħtuhom imma kontijiet ogħla. Aħna liż-żgħażagħ mhux biss edukazzjoni mill-bidu sal-aħar b’xejn imma ninċentivawhom biex jipparteċipaw f’attività fiżika u biex jaqbdu stil ta’ ħajja sana,” qal il-Prim Ministru.
Huwa tkellem dwar l-għaqal fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi u nnota kif bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista hemm baħar jaqsam. “Il-finanzi tagħna se jkunu aqwa minn dak li bassarna. Id-defiċit tal-Gvern se jinżel taħt it-3% ferm qabel ma bassarna. Din hi aħbar mill-aqwa għall-familji u n-negozji,” qal il-Prim Ministru.
Huwa rrimarka wkoll li llum Malta hija l-aqwa fl-Ewropa fejn jidħol il-ħolqien ta’ karrieri. Kien hawn fejn esprima t-twemmin sħiħ tiegħu li l-Viżjoni Malta 2050 hi programm ta’ ħidma li se twassal għall-aqwa opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet kollha ġewwa pajjiżna.
Dr Abela tenna jgħid li rridu niddedikaw kemm nifilħu riżorsi biex pajjiżna jkun l-aktar pajjiż li jwettaq b’suċċess il-qalba diġitali kif ukoll dik ambjentali. Fost diversi aħbarijiet pożittivi għal pajjiżna, l-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali qalu li Malta hi fost l-aktar pajjiżi li huma preparati li jieħdu l-aqwa vantaġġi tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Barra minn hekk, il-Prim Ministru qal li se jissokta l-programm qawwi ta’ investiment fi spazji ħodor u miftuħa. Huwa rrefera wkoll għal bosta għajnuniet oħra li qed jingħataw fosthom iż-żidiet fiċ-children’s allowance u fl-inwork benefit, iż-żidiet fil-pensjonijiet, għajnuniet aqwa għall-IVF u l-lapops b’xejn għall-istudenti.
“Dak li wegħedna f’Malta Flimkien illum hu realtà u wettaqnieh. Issa flimkien irridu nagħmlu l-qabża li jmiss. Il-prosperità ġdida qiegħda ssejħilna. Inwettqu dan l-aqwa Budget fl-istorja. Inwettquh għalik. Ekonomija b’saħħitha. Futur għal Uliedna,” temm jgħid il-Prim Ministru.
Sadanittant, fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ressaq l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi liġijiet relatati mat-twaqqif tal-Qorti tal-Familja.
Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u mal-Ministru Michael Falzon, ippreżentaw id-dettalji ta’ din ir-riforma lill-midja.
“Din mhux biss riforma leġiżlattiva, imma pass kruċjali biex nagħtu aktar serħan il-moħħ, ċertezza u ġustizzja lill-familji li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli,” qal il-Ministru Attard.

