Wednesday, April 24, 2024

“Se nibqa’ naħdem favur settur tal-kostruzzjoni aktar sigur”

Isabelle Bonnici, rebbieħa tal-premju “l-Mara tas-Sena” tal-Mvintage

Aqra wkoll

“Jiena se nkompli naħdem biex is-settur tal-kostruzzjoni jkun wieħed aktar sigur u li fl-aħħar mill-aħħar ikollna l-inqas inċidenti u mwiet possibbli”. Iddikjarat dan ma’ dan is-sit Isabelle Bonnici fl-ewwel reazzjoni tagħha wara li ġiet premjata bħala “l-Mara tas-Sena” tal-Mvintage.

Bonnici qalet li tixtieq taqsam dan l-unur man-nisa kollha li qegħdin ibatu minn xi inġustizzja minħabba wliedhom. Qalet li s-soċjetà qiegħda tifhem u tapprezza x-xogħol li qiegħed jagħmel ħaddieħor biex ikollna soċjetà aħjar.

Mistoqsija dwar is-soċjetà u l-isfidi li hemm bżonn li jingħelbu biex ikollna soċjetà aktar sigura, Bonnici qalet li r-ribgħa għall-flus qiegħda toħloq ħafna problemi u hemm bżonn li tiġi mrażżna filwaqt li tinħoloq aktar kuxjenza dwar il-valur tal-ħajja ta’ kulħadd.

F’messaġġ aħħari lejn dawk kollha li għaddejjin minn xi problema fil-ħajja, hija qalitilna li l-iktar ħaġa importanti hija li ma taqta’ qalbek qatt minkejja kull kurrenti li wieħed jista’ jaffaċċja.

Isabelle ddistingwiet ruħha fil-ġlieda kbira tagħha biex issir ġustizzja wara l-mewt ta’ binha Jean Paul Sofia. Fi kliemha stess hija kienet qalet li “titlef l-unika wild li jkollok hija l-agħar ħaġa li mara jista’ jiġrilha. Irrid u se niġġieled biex il-legat ta’ Jean Paul ma jmut qatt u permezz tal-mewt tiegħu jitranġaw l-affarijiet u ma jmutux aktar persuni fuq il-post tax-xogħol.”

Isabelle għamlet pressjoni fuq l-awtoritajiet Maltin biex tinfetaħ inkjesta pubblika, tant li llum din l-inkjesta bdiet miexja b’pass mgħaġġel biex issir ġustizzja u toħroġ il-verità sħiħa b’rabta mal-mewt ta’ binha f’Diċembru tas-sena li għaddiet.

Intant, in-nominati għal dan il-premju kienu Francesca Fenech Conti, Josette Frendo, Isabelle Bonnici, Izi Micallef u Karen Vella. Il-kumpanija Mvintage tgħid li dawn il-ħames nisa ħadmu bis-sħiħ biex ħallew impatt pożittiv fil-ħajja tan-nies u anke għamlu differenza kbira fil-komunità.

Sport