Saturday, December 21, 2024

“Se nibqa’ nħaddan valuri soċjali, prinċipji ta’ lealtà u inklużjoni”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Anthony Agius Decelis iħeġġeġ biex il-poplu jagħżel il-futur fuq il-passat billi jivvota PL

Il-Ġerantologu, Membru Parlamentari, missier ta’ tlett itfal u nannu ta’ tnejn, Anthony Agius Decelis, minn ċkunitu ħass demmu jbaqbaq għall-politika tant li minn kmieni fl-adoloxxenza tiegħu, beda jimmilita fil-Partit Laburista. Dan sakemm beda jokkuppa diversi karigi fl-istess partit fejn tul il-karriera politika ta’ suċċess tiegħu ħadem taħt tliet Prim Ministri – Alfred Sant, Joseph Muscat u issa ma’ Robert Abela. 

Bħala l-uniku ġerantologu fil-grupp Parlamentari Laburista, Agius Decelis għandu għal qalbu ħafna u għal snin sħaħ ħadem qatigħ, fis-settur tal-anzjani, settur li fi kliemu, “meta wieħed jara min fejn tlaqna u fejn qegħdin illum fis-settur tal-anzjani, jara bidliet u avvanzi kbar. Il-gvern huwa kommess li jkompli jaħdem u joħloq miżuri ġodda biex ikompli jgħolli l-livell”. 

F’intervista ma’ Talk.mt Anthony Agius Decelis, li grazzi għall-appoġġ u l-kuraġġ li jagħtuh in-nies se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali tas-Sibt li ġej, tkellem dwar xi jfisser li tkun politiku, dwar il-ħidma kbira li saret u li se tkompli ssir jekk il-Partit Laburista jerġa’ jkun fil-Gvern u ta l-kelma tiegħu li jekk jerġa’ jkun elett, dan il-politiku, irrelevanti mir-rwol jew settur li jingħata, se jibqa’ jħaddan il-valuri soċjali, kif ukoll il-prinċipji ta’ lealtà u inklużjoni.

Kemm ilek fil-politika u x’waslek biex terġa’ tikkontesta? X’inhuma s-setturi li se taħdem fuqhom jekk tkun elett?

Ili fil-politika sa minn ċkuniti hekk kif ta’ 13-il sena bdejt fiż-żgħażagħ soċjalisti u bqajt nimmilita fil-Partit Laburista. Minkejja li l-ħajja politika, bħal kull xogħol ieħor, tirrikjedi sagrifiċċji, ħinijiet twal ’il bogħod mid-dar, jekk tgħidli x’wasslek biex terġa’ tikkontesta l-elezzjoni ġenerali, ngħidlek in-nies! 

Nistqarr li meta nara l-imħabba u l-enerġija li jagħtuni n-nies ninsa kull sagrifiċċju. Meta tara li bil-ħidma tiegħek tkun qiegħed tikkontribwixxi għal differenza fil-ħajja tan-nies, tinsa kollox. Inkun f’liema settur inkun, għax dik l-għażla nħalliha f’idejn il-Prim Ministru Robert Abela, inwiegħed li nibqa’ nħaddan valuri soċjali, kif ukoll prinċipji ta’ lealtà u inklużjoni. 

F’kull settur li ħdimt fih tul il-snin u f’kull kariga li ġejt fdat fiha, dejjem rajt li naqdi dmiri b’lealtà u onestà. Għax, dak li jistħoqqlu l-poplu Malti. Fil-ħidma tiegħi nisma’ lin-nies, lil dawk li jkunu qegħdin jirċievu s-servizzi, kif ukoll lill-imsieħba soċjali, għax b’hekk inkomplu nħaddmu politika li tagħmel differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Hemm xi ħaġa partikolari li beħsiebek taħdem fuqha, eżempju xi proġett ġdid għall-anzjani jew fl-ambjent? 

Fuq quddiem tal-aġenda politika tiegħi, kif ukoll tal-Partit Laburista, issib il-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna. Nemmen li f’kull settur li niġi afdat biex naħdem fih, inkun qiegħed naħdem bla waqfien biex nimplimentaw il-manifest elettorali, manifest b’saħħtu b’elf proposta li jistgħu jsiru realtà jekk il-poplu jerġa’ jagħtina l-fiduċja tiegħu. 

Insemmi l-investiment li qiegħed iwiegħed il-Partit Laburista fil-qasam ambjentali ta’ €700 miljun fi spazji ħodor ġodda, bl-enfasi tkun fil-qalba tal-ibliet u l-irħula. Nemmen li dan l-investiment se jkun qiegħed ibiddel wiċċ pajjiżna fis-snin li ġejjin. Dan l-investiment, flimkien ma’ bosta proposti oħra, nemmen li jħarsu lejn iċ-ċittadini tagħna b’mod ħolistiku u se jkunu qegħdin ikomplu jgħollu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna.

“Il-poplu ra kif Gvern Laburista mexxa lil pajjiżna ’l quddiem  kemm fil-bnazzi, kif ukoll fil-maltemp… Għaldaqstant, inħeġġeġ biex il-poplu Malti  jagħżel il-futur fuq il-passat, b’vot ta’ fiduċja lill-PL” – Anthony Agius Decelis, Kandidat fuq il-11 u t-12 id-Distrett

Kif taħseb li tista’ tkun solvuta l-lista ta’ stennija għal dħul f’residenzi tal-anzjani u qegħdin ikunu indirizzati lmenti dwar l-ikel? 

Nemmen li fis-settur tal-anzjani għamilna avvanzi kbar. Komplejna l-proġett ta’ estenzjoni ta’ San Vinċenz de Paul b’żieda ta’ 500 sodda biex nindirizzaw il-lista ta’ stennija tal-anzjani għad-dħul fid-djar residenzjali. Dan il-proġett ħaseb ukoll f’iktar sodod li jilqgħu għal bżonnijiet tal-anzjani bid-dimensja. 

Investejna wkoll fi djar residenzjali tal-anzjani ġodda biex l-anzjani tagħna jgħixu livell ta’ ħajja għolja. B’kollaborazzjoni mal-privat, permezz ta’ “private public partnerships”, il-Gvern xtara soddod ġodda fi djar residenzjali ġodda ħalli nilqgħu għall-bżonnijiet tal-anzjani tagħna. 

Dan il-Gvern iħares lejn il-livell ta’ servizz li jkun qiegħed jingħata lill-poplu. Bil-għan li niżguraw li dan il-livell jkun ta’ kwalità għolja, waqqafna l-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali. Nedejna diversi konsultazzjonijiet pubbliċi u smajna l-imsieħba soċjali, l-NGOs u l-persuni u l-familjari li jkunu fis-settur partikolari biex ħloqna diversi standards regolartorji.

Ilkoll nafu f’liema stat diżastruż u ta’ abbandun kienet il-kċina ta’ San Vinċenz de Paul. Iżda dan il-Gvern m’għalaqx għajnejh għal dan. B’investiment ta’ madwar erba’ miljun ewro għamilna kċina ġdida, kċina “state of the art”. Dan ma kienx ifisser biss kċina moderna bl-aqwa faċilitajiet, iżda wkoll platti ġodda u menu varjat. Ridna li l-anzjani nfushom ikunu parti mit-tibdil li wettaqna fil-menu tal-ikel. Għalhekk għamilna sessjonijiet ta’ “food tasting” li fihom l-anzjani nfushom daqu l-ikel u taw l-opinjonijiet tagħhom. 

Meta kont Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva kont nedejt proċess ta’ konsultazzjoni mal-anzjani fid-djar residenzjali ħalli nisimgħu dak li jixtiequ l-anzjani. Dan bil-għan li dejjem inkomplu ngħollu l-livell tas-servizzi li jiġu pprovduti. 

Meta wieħed jara min fejn tlaqna u fejn qegħdin illum jara bidliet kbar f’dan is-settur. Wasalna? Nemmen li l-mument li ngħidlu li wasalna u ma fadalx lok għal iktar titjieb, inkunu qegħdin niżbaljaw. Dan għax wieħed mis-suċċessi ta’ dan il-Gvern huwa li jibqa’ jaħdem u joħloq miżuri ġodda ħalli jibqa’ jgħolli l-livell.

Ritratt: Roger Azzopardi

Il-Gvern ta’ spinta lill-pensjoniiet u żied il-mediċini bla ħlas għall-anzjani. Fl-opinjoni tiegħek, fadal li jista’ jsir biex il-kwalità ta’ ħajja tal-anzjani tkun ta’ livell xieraq? Hemm xi pjanijiet oħra mill-Gvern fir-rigward? 

Gvern Laburista jaħdem biex jassigura li l-anzjani tagħna jkomplu jgħixu ħajja komda u ta’ kwalità. Gvern Laburista se jkun qiegħed ikompli jsaħħaħ il-pensjonijiet billi jżidhom b’minn tal-inqas €15 fil-ġimgħa tul il-leġiżlatura, liema żieda ma tinkludix iż-żieda tal-għoli tal-ħajja.

L-Għotja għal Ċittadini Anzjani ’l fuq minn 75 sena żdidnieha b’€50 fl-aħħar baġit. Fil-leġiżlatura li jmiss se ntellgħuha għal €500 għal dawk il-persuni bejn 75 u 79 sena u €600 għall-anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena. 

Għal darba oħra se nerġgħu nsaħħu l-pensjonijiet tar-romol biex dawn jibdew jirċievu l-pensjoni sħiħa tal-konjuġi u jibqgħu jieħdu ż-żidiet kollha mogħtija mill-Gvern. Dan ifisser li fil-ħames snin li ġejjin ir-romol se jaraw żieda medja ta’ €1,500 fis-sena. 

Anzjani li jkunu laħqu l-età pensjonabbli imma ma jikkwalifikawx għal pensjoni kontributorja għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, se jgawdu minn titjib fl-għotja li jirċievu kull sena, filwaqt li jibqgħu jibbenefikaw mill-għotja l-oħra għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 75 sena. 

Il-mediċina out-of-stock spiċċat u żidna 80 mediċina ġdida fuq il-formolarju tal-Gvern. L-anzjani se jibdew jirċievu b’xejn il-mediċini kollha li jinsabu f’din il-lista. L-anzjani huma fil-qalba tal-politika tal-Partit Laburista, għalhekk Gvern Laburista jimpenja ruħu li jkompli jħaddan politika t’anzjanità attiva.

Xtaqna l-opinjoni tiegħek dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna fir-rigward stabilità ekonomika lokali u jekk taħsibx li din tista’ taffettwana lokalment.

Ma tistax ikollok għal qalbek l-umanità u ma temozzjonax ruħek b’dak li qiegħed jiġri fl-Ukrajna. Le, ħadd m’għandu jgħaddi minn sitwazzjonijiet ta’ qsim il-qalb bħal dawk li qegħdin naraw fil-midja. Sitwazzjonijiet bħal dawn jaffetwa lill-pajjiżi oħra wkoll, inkluż pajjiżna. 

Għalhekk, nemmen li fl-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu l-poplu għandu għażla importanti x’jagħmel. Il-poplu ra kif Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela ħadem fiż-żmien ta’ pandemija, fejn ma ħalla lil ħadd waħdu u jaf li magħna jaf fejn huwa. Il-poplu ra kif Gvern Laburista mexxa lil pajjiżna ’l quddiem  kemm fil-bnazzi, kif ukoll fil-maltemp. Għaldaqstant, inħeġġeġ biex is-Sibt li ġej il-poplu Malti  jagħżel il-futur fuq il-passat, b’vot ta’ fiduċja lill-Prim Ministru Robert Abela… Jagħżel Team Malta, Malta Flimkien!

Profil: 

Isem: Anthony Agius Decelis

Data u Post tat-twelid: 23 ta’ Ottubru 1967, Pietà

Statut u familja: Miżżewweġ lil Josette. Għandna tlett titfal u żewġ neputijiet

Edukazzjoni: Gradwat mill-Università ta’ Malta b’Honours in Youth and Community Studies in Informal Education; b’Post Graduate Diploma in Health Management u b’Master’s Degree in Gerontology & Geriatrics

Professjoni: Ġerantologu, Membru Parlamentari, Ċermen mhux Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir

Miri għall-futur qarib: Li nibqa’ nservi lill-poplu Malti

Passatempi: Il-muturi

Ktieb Favorit: Kotba ta’ Jeffrey Archer

Kwotazzjoni Favorita: “Qatt u qatt u qatt m’għandek taqta’ qalbek” 

Ekonomija

Sport