Sunday, December 22, 2024

“Se nibqa’ viċin in-nies u nkun ta’ ispirazzjoni biex aktar nisa jersqu lejn il-politika”

Aqra wkoll

Abigail Camilleri hija edukatriċi, omm u mara tal-familja, kif ukoll kandidata fuq Għawdex għall-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Laburista. 

Iżda minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu u għall-politika? 

Sa minn età żgħira kont interessata fil-politika u kont insegwi b’mod regolari dak li jkun għaddej fuq livell nazzjonali partikolarment f’Għawdex. Nemmen li l-politika tkun ġo fik għaliex jien dejjem ħassejt il-ġibda li ngħin lil ħaddieħor, li nwassal il-messaġġ tan-nies kif ukoll l-ideat tiegħi. Bdejt bħala Uffiċjal taż-Żgħażagħ fil-Kumitat tan-Nadur u membru attiv fi ħdan l-Forum Żgħażagħ Laburisti. Matul is-snin attendejt għal diversi korsijiet organizzati mill-Partit Laburista fosthom l-“IDEAT” u l-“LEAD”. Preżentament nokkupa l-kariga ta’ Chair għal Għawdex fl-Eżekuttiv tan-Nisa Laburisti. Għaldaqstant, nemmen li l-imħabba tiegħi għall-attiviżmu politiku ġiet b’mod naturali u komplejt rawwimta matul is-snin.  

U għalfejn ħasset li kellek tagħmel dan il-pass proprju issa? 

Il-Partit Laburista ta d-dritt tal-vot lill-mara għax dejjem emmen fiha u nkoraġġiha sabiex tkun parti attiva fil-politika inkluż fl’ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż. L-imħabba lejn pajjiżi, l-esperjenza u l-edukazzjoni li akkwistajt matul is-snin flimkien mal-fatt li l-Prim Ministru wera fiduċja fija mlieni b’kuraġġ sabiex nħossni konvinta minn dan il-pass li qed nagħmel. Minn meta bdejt il-kandidatura tiegħi sallum, nista nistqarr li din l-esperjenza żgur se tkun waħda memorabbli. Dan għaliex qed ikolli l-opportunità li nara lil Għawdex minn perspettivi differenti kif ukoll nżid il-kuntatt aktar mill-qrib man-nies. Verament nemmen li s-sostenn li qed nirċievi minn nies huwa l-enerġija u l-forza li qed tkompli tikkonvinċi minn dan il-pass li ħadt. 

X’inhu s-sigriet biex tagħmel dan kollu u ssib bilanċ u ħin għalkollox? 

Il-fatt li jien mara tal-familja, għalliema u minn dejjem żammejt lili nnifsi attiva ħejjieni sabiex nkun preparata li nippjana, nipprijoritizza u nqassam ħini b’mod tajjeb u nsib bilanċ. Id-determinazzjoni, rieda u grinta huma ukoll fatturi importanti li jgħinuni sabiex nagħmel dan kollu b’suċċess. 

Skont Abigail, x’inhuma l-aktar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li tiltaqa’ magħhom ta’ kuljum waqt il-home visits? 

In-nies jaqsmu miegħek diversi realtajiet u esperjenzi li jgħallmuk ħafna. Sfidi komuni huma l-ambjent u bini fil-pajsaġġ Għawdxi, in-nuqqas ta’ spazji miftuħa għall-familji, in-nuqqas ta’ parkeġġ speċjalment fir-Rabat Għawdex u ż-żieda ta’ bini għoli madwar l-gżira. Qed niltaqa’ ukoll ma’ numru ta’ sitwazzjonijiet diffiċli li qed jiffaċċjaw nies li jgħixu fis-solitudni speċjalment l-anzjani, persuni li jbatu minn kundizzjonijiet ta’ saħħa fiżika jew mentali kif ukoll persuni b’diżabilità. Però, nixtieq ngħid ukoll, li mill-home visits qed ninduna kemm l-proposti li qed jiġu mħabbra mill-Prim Ministru qed jiġu milqugħa b’pożittività u entużjażmu minn dawn in-nies. 

Kemm għadu validu t-twemmin politiku li jemfasizza ħafna fuq il-prinċipji soċjalisti li għandu jħaddan il-Partit Laburista? 

It-tolleranza, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali huma prinċipji soċjalisti li minn dejjem ħaddan u għadu jħaddan il-Partit Laburista. Dan il-partit ħadem sa minn dejjem sabiex ikun dak il-partit li jagħti leħen liż-żgħir u lill-ħaddiem. Mal-bidla taż-żminijiet, il-Partit Laburista wera li huwa kapaċi jevolvi u jaġġorna sabiex ikompli jsaħħah dawn l-istess prinċipji. 

Tlabna lil Abigail tispjegalna x’viżjoni għandha għal Għawdex. 

Ħidma sfiqa favur l-anzjani sabiex dawn ikollhom aktar ċentri ta’ matul il-jum u l-lejl li jwasslu biex mhux biss jiżdidulhom l-attivitajiet fil-komunità iżda ukoll jkollhom serħan il-moħħ li f’każ ta’ bżonn se jsibu għajnuna immedjata. Dan jgħin ukoll biex tiġi indirizzata l-problema tas-solitudni u sabiex l-anzjani tagħna ma jħossuhomx ta’ piż għall-familja. Aktar għarfien u għajnuniet finanzjari għal persuni li jbatu minn kundizzjonijiet ta’ saħħa fiżika jew mentali kif ukoll ċentri speċjalizzati għal persuni b’diżabilità. Żieda fi kliniċi u bereġ li joffru servizz “state of the art” f’kull raħal f’Għawdex. 

L-ambjent, l-ekonomija u t-turiżmu huma ukoll tliet setturi li nemmen li għandhom ikunu ta’ prijorità. Aktar spazji miftuħa u pjazez madwar Għawdex li jistgħu jitgawdew kemm mill-familji Għawdxin kif ukoll minn kull min iżur din il-gżira. Li nara li Għawdex joffri opportunitajiet ugwali għal kulħadd, ikompli jissaħħaħ ekonomikament u jiżdied it-turiżmu ta’ kwalità fejn jiġu esplorati niċeċ ġodda sabiex tiġi iddiversifikata l-ekonomija ta’ din il-gżira. Jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għaż-żgħażagħ Għawdxin f’Għawdex stess.

Jekk tingħata l-fiduċja, Abigail, x’timbru tixtieq tħalli bħala Membru Parlamentari? 

Li nservi b’umiltà, li dejjem nibqa’ viċin in-nies kif ukoll li nkun ta’ ispirazzjoni għal aktar tfajliet u nisa biex jersqu lejn il-ħajja politika. 

Il-Partit Laburista fil-Gvern issa diġà għamel bosta riformi. Fis-snin li ġejjin, Abigail, kif tara li l-Partit jista’ jibqa’ qrib il-poplu u jibqa’ jiġġedded? 

Fil-politika qatt ma tista’ tieqaf taġġorna u tiġġeded għaliex jekk tagħmel dan, tistaġna bħalma ġralu l-Partit Nazzjonalista! Jien nemmen li n-nies huma l-esperti u għaldaqstant l-Partit Laburista irid jibqa’ viċin in-nies u jisma’ dak li għandhom xi jgħidu. Dan għandu jkun l-bażi għal diskussjonijiet sabiex jiġu mwettqa ir-riformi neċessarji. 

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Abigail xtaqet twassal messaġġ finali lill-elettorat Malti… 

Li fis-26 ta’ Marzu 2022 kulħadd joħroġ jivvotta lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista sabiex flimkien nagħtu fiduċja b’saħħitha lill-Prim Ministru Robert Abela, Prim Ministru li f’dawn is-sentejn uriena biċ-ċar li għandu ruħ soċjali, li għaraf ipoġġi lin-nies fiċ-ċentru tal-politika tiegħu u li dejjem tkellem bl-azzjoni u bil-fatti. B’hekk, b’Malta u Għawdex flimkien, il-Prim Ministru jkun jista’ verament iwettaq l-proposti tal-Partit Laburista lejn futur sabiħ. 

Nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex ngħid grazzi minn qalbi lil Għawdxin kollha tas-sapport u l-inkoraġġiment. 

Ekonomija

Sport