Monday, November 18, 2024

“Se nibqgħu nħossu l-polz tan-nies biex nfasslu politika aħjar għall-futur tal-pajjiż”

Il-PM Malti jisħaq dwar il-paċi, l-istabbilità u d-djalogu bħala ċ-ċavetta għas-soluzzjonijiet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela qal li ma jemminx li s-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja huma r-riżoluzzjoni tal-gwerra. 

Waqt intervista fuq One Radio l-Prim Ministru qal li s-soluzzjoni jibqgħu l-paċi u l-istabbilità li jintlaħqu fi djalogu madwar il-mejda. Kompla biex jgħid li minkejja li saru sforzi biex dan jintlaħaq, għadu ma sarx biżżejjed. Il-PM qal li ma jixtieqx jara li jseħħ dak li qed ibassru mexxejja barranin rigward persuni f’pajjiżi nordiċi u dawk li fihom taħkem aktar il-kesħa, li jispiċċaw jiffriżaw minħabba nuqqas ta’ sorsi ta’ enerġija f’pajjiżhom. Kompla biex jgħid li fil-Kunsill Ewropew li jmiss se jenfasizza fuq din it-temi tal-paċi u l-istabbilità għax fuq xenarju internazzjonali qed naraw xenarju ta’ pressjonijiet li qed jiżdiedu, prezzijiet tal-enerġija li qed jisplodu u m’għandux ikun hemm popli, li jerfgħu l-piż tal-ebusija tar-ras jew minħabba deċiżjonijiet li jittieħdu mingħajr ma jagħtu prijorità lill-interessi tan-nies. Sostna li kull mexxej għandu jpoġġi lin-nies l-ewwel u jara l-impatt fuq in-nies.

F’dan ir-rigward huwa qal li għall-kuntrarju ta’ dak li kien jiġri taħt gvern Nazzjonalista fejn jidħlu l-isfidi, il-gvern Laburista qiegħed jibqa’ jgħin lin-nies fil-prezzijiet tal-enerġija biex f’pajjiżna għandna t-tieni l-orħas prezz tal-enerġija fl-Ewropa.

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Malti wiegħed li l-Gvern se jibqa’ jieħu deċiżjonijiet ta’ prinċipju, ambizzjużi, u mingħajr tkaxkir tas-saqajn bħalma ilu jagħmel f’dawn l-aħħar snin. Tkellem dwar iż-żjarat kontinwi tiegħu ma’ klabbs, għaqdiet u soċjetajiet fost żjarat oħra li jikkonfermaw il-bżonn li l-gvern jibqa’ jisma’ l-vuċi tan-nies u jħoss il-polz tagħhom. “Din mhix xi ħaġa li tagħmilha meta tkun ġejja elezzjoni ġenerali. In-nies ma tfittixhomx għall-vot imma biex jgħinuk tfassal politika aħjar għall-futur tal-pajjiż”, tenna l-Prim Ministru filwaqt li spjega li fil-ġimgħat li ġejjin dan kollu se jkun qiegħed jiġi trasformat f’aktar miżuri li se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Huwa qal dan waqt li tkellem dwar il-budget li jmiss u l-fatt li parti mill-miżuri se jkunu indirizzati biex jgħinu lil dik il-faxxa fis-soċjetà li tiflaħ l-inqas.

Fakkar kif dan il-gvern kien kapaċi jieħu deċiżjonijiet tempestivi filwaqt li jħares is-saħħa tan-nies, jilqa’ għall-impatt ekonomiku u jara li jkompli jkun hawn iżjed investiment, anke f’perjodu ta’ pandemija. Il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-irkupru qawwi tal-ekonomija Maltija wara l-pandemija. Fl-aħħar sitt xhur kellna tkabbir ekonimiku ta’ 8.5 fil-mija meta l-aqwa tbassir, dak tal-Kummissjoni Ewropea, kien ta’ 5 fil-mija. Din kienet l-aktar rata għolja ta’ tkabbir ekonomiku fl-UE kollha kemm hi; tkabbir li seħħ f’kull settur tal-ekonomija. “Kienet rata ta’ tkabbir li kien bilanċjat fil-varji setturi u dan juri li l-kejk diversifikat tal-ekonomija tagħna qiegħed jikber b’mod ħolistiku”, spjega Abela. 

Il-Prim Ministru qal li dan kollu seħħ meta n-negozji kienu għatxana għal sajf b’saħħtu ta’ xogħol. Għandek persuni li siefru u oħrajn li baqgħu jgawdu b’vaganzi f’Malta u f’Għawdex.

Rigward l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna, Abela qal li dan qiegħed iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar u li se jkun qiegħed jara li jżid miżuri biex jissaħħaħ il-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol. Qal ukoll li l-Gvern se jibqa’ jaħdem fuq il-ħolqien mhux biss tax-xogħol imma ta’ aktar karrieri ta’ kwalità.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll rigward iż-żjara tal-mexxej Libjan u aċċena għal dak li qal qabel rigward id-djalogu mal-mejda bħala ċ-ċavetta għas-soluzzjonijiet. Abela qal li f’dawn l-aħħar sentejn pajjiżna kellu kollaborazzjoni tajba ħafna mal-Libja u li sfortunatament f’dawn l-aħħar jiem ixxellef dak is-sens ta’ trankwillità. Filwaqt li qal li jinsab fiduċjuż li se jkunu qegħdin jinstabu soluzzjonijiet f’qasir żmien biex ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi terġa’ għal li kienet, huwa saħaq li din il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi kienet importanti ħafna speċjalment f’setturi bħalma huma s-saħħa u l-enerġija.

Ekonomija

Sport