Monday, November 4, 2024

“Se nibqgħu niġġieldu għal paċi”

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt li kien qed jiġi intervistat mill-ġurnalista Sandro Mangion fiċ-Ċentru Laburista tal-Imsida, sostna li f’kull ċirkostanza, pajjiżna se jkompli jiġġieled għal paċi madwar id-dinja b’mod partikolari għal konflitt li għaddej bejn l-Ukranja u r-Russja.

Dr Abela tkellem dwar il-Kunsill Ewropew Straordinarju li sar matul il-ġimgħa li għalih attenda wkoll il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy.

Il-Prim Ministru sostna li tisma’ mingħand il-President Ukrek dak li hu għaddej bilfors titħasseb. “Meta jgħidlek li hemm tfal li qegħdin jinsterqu mill-Ukranja u jittieħdu lejn ir-Russja bilfors titħasseb,” sostna l-Prim Ministru.

Però l-Prim Ministru baqa’ jinsisti li għandha tinstab triq ‘il quddiem biex fiż-żona jkun hemm il-paċi. “Meta tiġġieled għal paċi tkun qed tiġġieled kontra l-inġustizzji,” qal il-Prim Ministru.

Tkellem ukoll dwar l-irwol importanti li Malta għandha bħalissa bil-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fejn hawn ukoll pajjiżna mistenni li jkompli jimbotta biex ikun hemm il-paċi u jieqaf il-ġlied b’mod immedjat. Dr Abela qal li hemm rispett kbir lejn pajjiżna mill-komunità internazzjonali u dan joħroġ mill-fatt li pajjiż daqshekk żgħir ġie fdat siġġu għal sentejn sħaħ fil-Kunsill tas-Sigurtà.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar it-terremot li seħħ fit-Turkija u s-Sirja fejn sostna li pajjiżna bgħat tim ta’ ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u dawn marru fl-aktar mument kurċjali bit-tama li jsalvaw in-nies. Dr Abela rringrazzja wkoll lill-poplu Malti u Għawdex għal ġenerożità li wera fejn offrew eluf ta’ oġġetti għaż-żoni milqutin. Il-Prim Ministru sostna li issa xogħol il-Gvern li jikkordina biex dawn l-affarijiet jaslu fil-postijiet fejn għandhom jaslu.

Fl-istess waqt il-Mexxej Laburista rringrazzja lill-ħaddiema kollha li fl-aħħar jiem ħadmu bis-sħiħ biex żammew lil poplu Malti sigur waqt il-maltempata li laqtet lil gżejjer.

Intant il-Prim Ministru tkellem ukoll kif dan hu Gvern li ma jaqta’ qalbu qatt u s-sehem tal-ħaddiem kollha, ġejjin minfejn ġejjin huwa importanti.

“Is-sehem tal-ħaddiema kollha ġejjin minn fejn ġejjin huwa importanti. Iżda ladarba qed nibgħu noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol b’saħħithom, fl-istess ħin li għandna l-inqas rata ta’ qgħad, u allura din, filwaqt li hi xi ħaġa sabiħa, toħloq anke sfida u l-ħtieġa ta’ biżżejjed riżors uman,” sostna l-Prim Ministru.

“F’dan il-kuntest irridu wkoll li ż-żgħażagħ tagħna jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex jaħtfu l-aqwa opportunitajiet ta’ karrieri li joffri s-suq. Qabel xejn mhux biex naqdu s-suq, imma karrieri biex ikollhom is-sodisfazzjon u l-kwalità tal-ħajja, karrieri li bihom jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, jiksbu l-indipendenza, irabbu familja u jkunu f’pożizzjoni li jtejbu l-istudji tagħhom,” kompla jgħid Dr Abela.
Hawnhekk, il-Prim Ministru semma wkoll kif dan hu Gvern li jrid li ż-żgħażagħ tagħna jkunu fl-aħjar pożizzjoni li jaħtfu l-aqwa opportunitajiet ta’ karrieri li joffri s-suq.

Il-Prim Ministu qal li aħna hemm sal-lum għandna sistemi li l-istudenti li jmorru apprentisti jitħallsu r-rata tal-paga minima għal kull siegħa li jaħdmu. Imma din ir-rata sal-lum, tintlaħaq billi tgħodd l-istipendju, il-grant u dak li mbagħad tħallas għall-apprentistat. Kollox flimkien jgħaqqad paga nimina fis-siegħa. Fhimna li rridu ngħamlu aħjar minn hekk.

Fhimna li qabel xejn l-istudent kien jistħoqqlu iktar, imma wkoll li din kienet sistema li mhix tinċentiva biżżejjed biex wieħed jidħol għall-kors li marbut miegħu ikollu l-apprentistat. U f’ċerti setturi dan l-apprentistat huwa wieħed importanti.
“X’qed ngħamlu allura? F’dik li nemmnu li issa hija skema ferm iktar ġusta. Se nibdew li: Jekk għandek l-istipendju u l-grant iżżommu, għax dak tiegħek bħal mhu ta’ kull student ieħor; Imma imbagħad ta’ kull siegħa li taħdem – titħallas bil-paga minima. Iġifieri mhux paga minima inkluż l-istipendju u l-grants, iżda paga minima u l-istipendji u l-grants. Li jfisser li f’sena waħda se ninvestu mijiet ta’ eluf ta’ ewro oħra biex l-istudenti jkollhom dan id-dħul aħjar. Se jibbenefikaw madwar elf student li qed jibdew l-apprentistat f’dawn il-jiem,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Robert Abela tkellem ukoll dwar kif ir-Rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali reġa’ kkonferma s-saħħa tal-ekonomija tagħna.

“Il-Fond Monterju Internazzjonali faħħar l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, u jekk ikun hawn min għal xi mument jaħseb li ż-żewġ partiti jagħtu l-istess riżultati kemm jagħmel google search għall-aħħar rapporti li kellna fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista,” qal il-mexxej Laburista.

Dwar il-proġetti ambjentali f’pajjiżna, il-Prim Ministru qal li l-immaniġġjar aħjar tat-traffiku, proġetti kontra l-għargħar u spazji miftuħa ġodda jibqgħu l-prijoritajiet ewlenin.

“Il-proġett tal-Imsida huwa l-proġett il-kbir li jmiss fis-settur tal-infrastruttura. Imma se jkun ukoll imżewweġ mal-prijorità ambjentali tagħna… Nista’ ngħidlek li ftit xhur oħra joħroġ it-tender ħalli l-proġett jibda. Se jkun wieħed mill-proġetti infrastrutturali importanti ta’ din il-leġiżlatura. Nifhmu li trid il-kuraġġ biex tidħol għal proġett ta’ dan it-tip f’żona li hi daqshekk popolari u partikolari, iżda żgur li ma nistgħux ngħidu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna li ma kellniex il-kuraġġ niddeċiedu,” sostna l-Prim Ministru fl-intervista.

Sport