Sunday, December 22, 2024

“Se nibqgħu nimxu bl-istess prinċipju li nwieżnu lill-familji u lin-negożji tagħna” – il-PM

Aqra wkoll

Il-Prim Ministu Robert Abela wera li bħala Gvern jinsabu kommessi li jibqgħu jimxu bl-istess prinċipju li mexa bih sa minn Marzu 2020, dak li jwieżnu lill-familja u lin-negozji.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-inflazzjoni huwa qal li dejjem sostnew li din mhix perċezzjoni imma realtà. Mistoqsi jekk hux se jkunu qed jagħmlu xi ħaġa biex irażżnu l-inflazzjoni, il-Prim Ministru qal li bħala Gvern diġà għamlu ħafna.

“Insemmi l-mod kif rażżanna l-prezzijiet tal-enerġija, tal-kurrent elettriku, milli jitilgħu ‘l fuq. Rajna madwar l-bqija tal-Ewropa kif dawn splodew litteralment ‘il fuq. F’pajjiżna, billi l-Gvern intervjena b’mod aggressiv, irnexxielna inżommu mhux biss il-prezzijiet stabbli imma jfisser li l-prezzijiet tal-enerġija elettrika m’għolewx.”

Żied jgħid: “Insemmi l-fjuwils. Hemmhekk waqt il-pjan tar-riġenerazzjoni ekonomika, dak ta’ Ġunju 2020, saħansitra raħħasna l-prezz tal-fjuwils mentri fil-bqija tal-Ewropa rajna kif dawn splodew ‘il fuq. Pajjiżna għandu l-orħos prezz ta’ dieżel u ta’ kurrent elettriku fiż-żona Euro.”

Huwa qal li dak kollu li setgħu jagħmlu bħala gvern. “Imbagħad xorta jibqa’ jkun hemm realtajiet ta’ żieda fil-prezz tal-ikel.. dawk huma realtajiet li rridu nibqgħu sensittivi lejn il-poplu u kull fejn nistgħu nwieżnu l-poplu se nibqgħu nimxu bl-istess prinċipju li mxejna bih sa minn Marzu 2020 li nwieżnu lill-familji u lin-negożji tagħna.”

Ekonomija

Sport