Sunday, December 22, 2024

“Se nibqgħu ninsistu biex aktar nies isiru eleġibbli għal din l-iskema” – Samantha Pace Gasan

Il-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan dwar l-iskema mħabbra biex dawk li kellhom jew li għandhom mard serju jew diżabilità jiġu megħjuna mill-Gvern biex isiru sidien ta’ darhom

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, ġie mħabbar il-benefiċċju li se jħalli impatt pożittiv fuq persuni b’diżabilità, dawk bi kwistjonijiet mediċi jew li kellhom mard fl-imgħoddi, fejn dawn se jkunu megħjuna mill-Gvern sabiex isiru sidien ta’ darhom.

Dan permezz tal-iskema ‘New Hope Guarantee’, liema skema ntlaqgħet tajjeb ħafna minn diversi organizzazzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam u li l-applikazzjonijiet għaliha se jibdew jintlaqgħu mil-lum. Proprju l-Ġimgħa li għadda rajna l-ewwel bank jidħol f’din l-iskema, l-APS, u dan wara ftehim li ġie ffirmat bejn l-Awtorità tad-Djar u l-imsemmi bank.

Din l-iskema mhix se tkun polza tal-assigurazzjoni iżda se toffri alternattiva sigura lill-banek biex is-self ikun jista’ jingħata mingħajr riskju fuq il-qraba tal-benefiċjarju. Il-gvern ħa jkun qed jgħin lil dawn l-individwi b’garanzija li se tkopri self massimu ta’ €250,000 fuq proprjetà li se tintuża bħala residenza primarja. 

B’rabta ma’ din l-iskema dan is-sit ħa l-kummenti tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan, li rrimarkat kif persuni b’diżabilità li kienu qed jesperjenzaw din id-diskriminazzjoni kienu kważi qatgħu qalbhom li se jkun hemm soluzzjoni biex huma wkoll isiru sidien ta’ darhom.

Fil-fatt, hija qalet li l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità rċeviet biss 27 ilment abbażi ta’ diskriminazzjoni fuq assigurazzjoni f’dawn l-aħħar snin, dan minkejja li kien ħafna akbar in-numru ta’ nies li tkellmu magħhom fuq din l-isfida.

Spjegat li kien għalhekk li mill-2014 il-Kummissjoni ħadmet u kkonsultat ma’ diversi persuni u esperti fis-settur tal-assigurazzjoni u finanzjarju sabiex din l-anomalija tiġi indirizzata.

“Il-ħidma tal-Kummissjoni kompliet fl-abbozzar tal-iskema li tħabbret illum u eventwalment se tkompli fit-tħaddim tagħha. Sadanittant, il-Kummissjoni sa tibqa’ tinsisti biex aktar nies isiru eliġibbli għal din l-iskema u li l-iskop jitwessa’ lil hinn mill-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-akkommodazzjoni,” temmet tgħid Pace Gasan.

Ekonomija

Sport