Thursday, March 28, 2024

“Se nidħlu għal din l-isfida b’sens ta’ responsabbiltà u għaqda nazzjonali” – Il-PM Robert Abela

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Se nidħlu għal din l-isfida b’sens ta’ responsabbiltà u għaqda nazzjonali.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Prim Ministru waqt kollegament telefoniku fuq One Radio fejn ġie mistoqsi dwar l-inkjesta pubblika li ġiet ippubblikata ftit tal-jiem ilu u dwar x’se jkun il-pass li jmiss.

F’dawn l-aħħar jiem, il-Prim Ministru tkellem fit-tul wara li ppublika l-inkjesta Maġisterjali u fil-kollegament telefoniku kkonferma li bħala gvern se jkomplu bil-ħidma tagħhom fuq il-programm ta’ riformi fejn jibdew bid-diskussjonijiet u jikkonsultaw ma’ dawk involuti. Fi kliemu, se jidħlu għal din l-isfida b’sens ta’ responsabbiltà u għaqda nazzjonali. Qal li dan ma jfissirx li kulħadd jaqbel f’kollox iżda li jiġu żviluppati l-ħsibijiet u anke jkun hemm dibattitu.

Qal li l-attenzjoni tal-gvern hija biex jaħdmu fuq ir-riforma l-kbira li jmiss, b’pass tajjeb u bil-għaqal, għaliex meta tkun qed tippjana u tagħmel dawn il-bidliet, tifhem li qed tħejji l-pajjiż għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Abela qal li lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin iridu jagħtuhom pajjiż aħjar milli huwa llum u għalhekk qed iħares lejn dawn l-bidliet fuq żewġ binarji.

“Fit-tieni bniarju tarana niddiskutu l-futur tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna – riforma li permezz tagħha se nirriformaw r-raba’ pilastru tad-demokrazija tagħna. Issa deħlin għal dik il-fażi fejn irridu nfasslu flimkien il-bażi għas-sostenibbiltà tal-professjoni. Issa rridu nħarsu lil hinn mill-pandemja fejn mhux biss nitkellmu fuq sostenibiltà finanzjarja iżda tisħiħ tal-professjoni.”

Il-Prim Ministru qal ukoll kif fl-aħħar snin diġà saru bidliet kbar, inkluż meta kienu rriformati liġijiet fosthom tal-libell kriminali li kien ilu biex jitneħħa żmien u tneħħa minn Gvern Laburista.

Abela żied jgħid: “Filwaqt li nibnu fuq it-tajjeb, u dan il-pajjiiż kellu u għandu ħafna tajjeb, irridu nirranġaw dak li sar ħażin jew nibdlu dak li seta’ jsir aħjar.”

“Mhux se nilgħab logħob partiġġjan”

Mistoqsi dwar l-attitudni tal-Oppożizzjoni pjuttost negattiva, Abela qal li din jiġġudikawha n-nies u assigura li mhux se jilgħab logħob partiġġjan. Qal li ħaġa waħda jiddispjaċih – dik li ma jirrikonoxxux il-ħidma ta’ tant nies tal-affari tagħhom. Żied jgħid li l-maġġoranza assoluta tal-persuni fdati biex jaħdmu għal dan il-pajjiż, dan jagħmluh b’għaqal, bżulija u lealtà.

Qal li dak li għamlet l-Oppożizzjoni fil-Parlament mhux il-mod kif tagħmel il-kuraġġ lil min qed jaqdi dmiru biex niksbu l-ġustizzja. Qal li dawk in-nies ma ħaqqhomx iż-żebliħ ta’ min suppost qed hemm biex jagħtihom kuraġġ.

Semma kif għall-Kap tal-Oppożizzjoni kollox huwa ħażin, imma oħrajn jafu li dan huwa gvern li filwaqt li jirrispetta l-indipendenza sħiħa li jaħdmu fiha u għamel il-bidliet biex isaħħilhom il-pożizzjoni tagħhom, se jibqa’ jinvesti fihom biex jagħmlu xogħlhom.

“Filwaqt li jonqsu n-nies dipendenti fuq l-assistenza soċjali, aħna nżidu n-nefqa soċjali”

Il-Prim Ministru semma kif fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, il-gvern baqa’ impenjat fil-ħidma tiegħu u kompla bl-investiment. 

Punt pożittiv li ħareġ huwa li fl-ewwel sitt xhur tas-sena, reġa’ kien hemm inqas persuni li kellhom iduru fuq l-assistenza soċjali biex jgħixu – 3% inqas. F’sena u nofs ta’ pandemija, it-total tal-persuni li huma fuq dipendenza soċjali naqsu b’550 persuna.

Il-Prim Ministru qal li dan kollu jikkuntrasta bil-kbir dak li kien ġara fil-kriżi ekonomiika ta’ wara l-2008 meta kienu ħallew id-dipendenza tant tikber li kien hemm kważi d-doppju fuq dan il-benefiċċju.

Abela għamel dikjarazzjoni importanti fejn sostna li filwaqt li jonqsu n-nies fuq l-assistenza, bħala gvern se jżidu n-nefqa soċjali.

Waqt il-kollegament telefoniku, Abela kellu l-opportunità li jsemmi diversi miżuri li tassew jagħmlu differenza fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Fost l-oħrajn semma’ l-in work benefit li huwa maħsub għal dawk li jaħdmu imma għandhom dħul baxx. Dan kollu jsir, għax fi kliemu, il-ġlieda biex jonqos il-faqar tibqa’ prijorità.

Il-Prim Ministru qal li n-nies għalhekk jappoġġjaw lil dan il-gvern għax huwa gvern li joħloq l-opportunitajiet u jinċentiva l-bżulija. Qal li n-nies jafu li dan il-gvern għandu prijoritajiet tajbiiin għax fis-skiet ta’ djarhom, iqabblu t-tmexxija tal-lum mat-tmexxija ta’ qabel l-2013. “Perfetti m’aħniex imma magħna jafu fejn qegħdin,” qal Abela.

Abela temm jgħid: “Bħala gvern mhux biss se ninvestu aktar iżda anke fil-baġit li jmiss, irridu nibqgħu nwieżnu lil dawk li għandhom bżonn sostenn. Dan għaliex aħna nemmnu li din mhix spiża imma investiment li jrendi għad-dinjità tal-persuni u għall-pajjiż.”

Ekonomija

Sport