“Se niltaqa’ ma’ kulħadd u se nisma’ lil kulħadd. Xogħli huwa li nisma’ u nara kif minn dan il-proġett nistgħu nagħsru l-aqwa għal kulħadd.” Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jitkellem dwar il-proġett propost f’Manoel Island.
F’intervista li saritlu mill-preżentatriċi Simone Cini fuq l-istazzjon ONE, il-Prim Ministru spjega kif b’rabta mal-kwistjoni ta’ Manoel Island, huwa rċieva żewġ talbiet, fuq naħa minnhom 29,000 persuna li ffirmaw il-petizzjoni u fuq in-naħa l-oħra 5,000 Għawdxi u Malti ieħor li investew fil-proġett.
Dr Abela stqarr li r-realtà madwar dan il-proġett hi li 60% minnu huwa ddedikat għal spazji ħodor u miftuħa filwaqt li 20% oħra tal-proġett huma s-siti storiċi li l-iżviluppaturi għandhom l-obbligu li jirrestawrawhom. L-investiment tar-restawr tas-siti storiċi u tal-infrastruttura jiswa madwar €150 miljun.
Huwa tkellem ukoll dwar il-ħidma li kien għamel Conrad Borg Manche fi żmien meta kien Sindku tal-Gżira, fejn kien irnexxielu jinnegozja ftehim li mmilita favur l-ambjent u fuq kollox fl-interess taċ-ċittadini kollha Maltin u l-Għawdxin. Ħidma oħra se tkun dik li jiġi żgurat illi t-termini tal-konċessjoni jiġu osservati.
“Għalhekk li nemmen li hi kwistjoni li rridu npoġġu f’taħditiet madwar mejda. Ma tistax titlaq minn punt tat-tluq u tgħid li konċessjoni magħmula b’riżoluzzjoni parlamentari nqattgħuha, nikkumpensaw u spiċċat, għax naħseb li hemm inkunu qed immorru fit-triq li realistikament iktar se toħloq problemi milli toffri soluzzjonijiet,” qal il-Prim Ministru. “Li nibbilanċjaw u li nisibu kompromessi li jkunu raġjonevoli ma’ kulħadd, naħseb li hemm lok fejn wieħed jitħaddet.”
Dr Abela żied jenfasizza li: “xogħolna jrid ikun li nibqgħu nispjegaw u nitħaddtu, ma nsabbtu saqajna ma’ ħadd. Konvint li wara dawk id-29,000 persuna hemm ħafna intenzjonijiet ġenwini ta’ nies li jridu jaraw l-aqwa għal pajjiżhom. Konvint ukoll li dan il-proġett jista’ joħroġ minnu żvilupp ta’ kwalità.
“Dan se jkun investiment ta’ kwalità għolja ħafna, li jista’ jattira turisti ta’ kwalità lejn pajjiżna u joħloq il-bilanċ meħtieġ. Dan huwa proġett li jrid ikun ‘template’ ta’ kif qed naraw l-iżvilupp f’pajjiżna għas-snin li ġejjin, fejn ma ngħidux le għall-iżvilupp imma iva għal żvilupp ta’ kwalità biss u li huwa sostenibbli.”
“Għandi l-ħila li nġib il-kulħadd ‘onboard’ u ngħidu minflok inġibu skontru, jirnexxielna nikkonverġu madwar mejda? Jiena nemmen li possibbli,” tenna l-Prim Ministru. “Meta jkollok min qed imexxi li jkollu din it-tip ta’ viżjoni, jien nemmen li nistgħu naslu f’soluzzjoni fejn forsi mhux se tikkuntenta lil kulħadd imma ġġib ħafna u ħafna nies li jirnexxilhom jikkonverġu.”