Monday, May 13, 2024

“Se nkompli nagħti l-enerġija kollha” … Ħadd ma jikkontesta lil Marco Bonnici għall-ħatra li jmiss ta’ President tal-MUT

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn CARMEN CACHIA

Il-proċess tal-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Malta Union of Teachers (MUT) 2020 beda t-Tnejn li għadda fejn Marco Bonnici, il-President li mexxa lil din il-unjin għal dawn l-aħħar tliet snin inkluż fil-perjodu ta’ tibdil bla preċedent li kellna fil-pandemija tal-Covid-19, ikkonferma l-kanditura tiegħu għal din il-pożizzjoni. Bonnici, qal lil inewsmalta li mill-voti li ntbagħtu lill-membri ħareġ li m’hemm ħadd jikkontestah fil-kariga ta’ President u bħala ringrazzjament għall-fiduċja li wrew u qegħdin ikomplu juru fih, huwa assigura lill-membri li se jkompli jagħti l-enerġija kollha għall-ġid tagħhom u tal-edukazzjoni ta’ pajjiżna.

Rajt MUT li adattat għal bidla

Din l-elezzjoni għandha proċess immexxi minn kumpanija ta’ awditjar u għaliha daħlu diversi kandidati li ddikjaraw fil-midja soċjali li qegħdin jikkontestaw fis-sezzjonijiet differenti u r-riżultat se joħroġ fis-26 ta’ Ġunju.

Bħala delegat u wara President tal-MUT dan il-ġurnal staqsa lil Marco Bonnici dwar l-esperjenza tiegħu f’din il-unjin, kif ukoll x’kisbiet kellu fil-ħidma tiegħu. Fis-snin ta’ xogħol bla heda f’din il-unjin ewlenija tal-edukaturi f’Malta, Marco Bonnici sostna li ra tibdil importanti, tisħiħ tal-komunikazzjoni u pubblikazzjonijiet ġodda li komplew isaħħu lill-istess unjin u lis-settur edukattiv lokali. 

Din is-sena huwa jagħlaq 20 sena minn meta sar għall-ewwel darba delegat (shop steward) tal-MUT. Matul dawn is-snin, il-mixja professjonali tiegħu kienet dejjem tinkludi l-ħidma fl-MUT fid-diversi karigi, mis-sezzjoni Żgħażagħ, il-Kunsill, Viċi President Anzjan u l-aħħar waħda dik ta’ President. 

“Rajt MUT li mhux biss addattat għall-bidla, speċjalment fl-operat tagħha, iżda li kienet hija li xprunat il-bidla. Il-komunikazzjoni mal-membri ssaħħet permezz ta’ sistemi online, komunikazzjoni mal-membri permezz tan-news updates bl-email, pubblikazzjonijiet ġodda bħal “il-Ħsieb”  u oħrajn li ssaħħew, bħal “The Educator”. Dan il-proċess ta’ tiġdid huwa kontinwu u ninsab kommess li nkompli għaddej bih,” iddikjara Bonnici.

Huwa semma’ kif fuq livell professjonali, l-MUT waqqfet il-Fondazzjoni Sagħtar, li diġà bdiet taħdem permezz ta’ ideat friski. Filwaqt li reġgħu nħarġu l-edizzjonijiet kollha tar-rivista “Sagħtar” f’format diġitali din il-unjin qiegħda tittrasforma r-rivista “Sagħtar” f’pubblikazzjoni relevanti li se terġa’ tkun magħna fis-sena skolastika li jmiss. Dan filwaqt li l-Fondazzjoni għandha proġetti ta’ taħriġ, riċerka u pubblikazzjonijiet oħra.

Marco spjega kif il-ħidma trejdunionistika mbagħad hija l-qofol tal-ħidma tal-MUT u, “dan jixhduh ir-riżultati li ksibna fl-aħħar snin. L-iffirmar u l-implimentazzjoni ta’ seba’ agreements f’perjodu ta’ tliet snin involviet ħidma enormi mill-uffiċjali, kunsill, delegati, membri u segretarjat tal-union. Dan filwaqt li għandna numru ta’ agreements li qegħdin jiġu negozjati u li jridu jiġu konkluzi fix-xhur li ġejjin”. 

Huwa qal li din il-ħidma wasslet ukoll biex għadd ta’ gradi ġodda jagħżlu lill-MUT bħala l-unjin li tirrappreżentahom b’mod kollettiv. Dawn jinkludu għall-ewwel darba fl-istorja tal-MUT, ir-rappreżentanza kollettiva ta’ entità edukattiva. L-għajnuna lill-membri, kemm fil-kuntest tal-agreements u kemm dik personali, hija kontinwa. 

“Ħafna mill-ħidma mal-membri fuq livell individwali ssir fis-skiet fuq talba wkoll tal-istess membri u minħabba li l-każijiet ikunu sensittivi. Saħħaħna wkoll is-servizz ta’ għajnuna legali u introduċejna servizz ġdid ta’ għajnuna psikoterapewtika għall-membri,” kompla Marco Bonnici.

Fuq livell ta’ operat, l-MUT kompliet bil-proġett tal-uffiċċji tal-Ħamrun u saret l-inawgurazzjoni matul is-sena li għaddiet, li kienet ukoll is-sena tal-anniversarju tal-100 sena mit-twaqqif tagħha. Filwaqt li organizzaw diversi attivitajiet, il-qofol ta’ dawn kien il-kxif ta’ monument kommemorattiv tal-iskultur Chris Ebejer f’Diċembru li għadda fil-ġonna tal-Mall, il-Furjana. 

Bonnici qal li l-aħħar xhur tal-ħidma kienu jinkludu xogħol li ma jieqaf qatt, inkluż filgħaxijiet u fi tmiem il-ġimgħa minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija fejn, flimkien mal-edukaturi u mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, irnexxielhom jaqilbu t-tagħlim għal sistemi online. Dan filwaqt li assigurat li ebda grad rappreżentat mill-MUT ma jkollu tnaqqis ta’ salarji jew allowances waqt il-pandemija.

Mistoqsi dwar pjanijiet għall-futur tal-istess unjin Bonnici qal li l-isfidi għax-xhur li ġejjin huma kbar. “Il-ftuħ tas-sena skolastika se toffri sfidi ġodda u x-xogħol diġà nbeda b’laqgħat ukoll mal-membri. L-MUT trid tħares ukoll fit-tul. Ir-rispett lejn il-professjoni, it-tkabbir tal-istatus professjonali, it-titjib tal-finanzi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-metodi biex nattiraw aktar żgħażagħ lejn il-professjoni se jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-MUT,” spjega Bonnici. 

Huwa qal li dan se jsir filwaqt li għad jridu jingħalqu numru ta’ agreements li qegħdin jiġu negozjati u li ttardjaw minħabba l-pandemija. Barra minnhekk l-MUT trid tiftaħ ukoll in-negozjati ġodda fuq agreements li se jiskadu. 

“Il-ħidma hija kbira, iżda konvint li bis-sapport tal-membri tal-MUT u l-imsieħba kollha fis-settur, se jirnexxielna nkomplu nagħmlu l-ġid li fuq kollox jissarraf f’esperjenza edukattiva aħjar għall-istudenti li jiġu fdati f’idejna,” temm Bonnici.

Sport