Il-Parlament ingħaqad mal-komunità internazzjonali sabiex ifakkar il-vittmi tal-Olokawst. Fit-tifkira li saret aktar kmieni waranofsinhar tkellmu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.
Il-Ministru Borg beda biex qal li Jum l-Olokawst ifakkarna fis-6 miljun Lhudi maqtula taħt il-persekuzzjoni Nażista u l-vittmi ta’ ġenoċidji. Huwa semma kif fl-istess jum li kienu qed jiġu mfakkra l-vittmi tal-Olokawst, seħħ attakk fuq sinagoga f’Ġerusalemm. “F’isem il-gvern noffru kondoljanzi tagħna għall-familjari tal-vittmi u l-għeżież tagħhom.”
Il-Ministru Borg kompla jesprimi l-qrubija tal-Gvern mal-familjari tal-vittmi ta’ kull qtil jew vjolenza li seħħet f’din il-parti tad-dinja. Qal li t-tema ta’ din is-sena hi “dar u appartenenza” – żewġ kunċetti ta’ sigurtà li ġew meqruda mill-ideloġija ta’ mibegħda, persekuzzjoni u qtil mifrux min-nażisti.
Qal ukoll li fost l-orrur hemm ukoll it-tama bi stejjer bla għadd ta’ reżiljenza u kuraġġ. “Stejjer ta’ vittmi li sawru ħbiberiji profondi ma’ xulxin fil-kampijiet ta’ konċentrament. Dawn individwi li b’kuraġġ irriskjaw ħajjithom sabiex jaqsmu djarhom u jagħtu kenn lin-nies fil-moħbi fosthom dawk li rnexxielhom jerġgħu jistabbilixxu s-sens ta’ sigurtà li kienu tilfu.”
Il-Ministru Borg qal li din is-sena hemm it-tama fiċ-ċelebrazzjoni tal-75 anniversarju mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-drittijiet tal-Bniedem. Dokument li jixhed id-determinazzjoni ta’ ġenerazzjoni li sofriet il-qerda ta’ żewġ gwerer globali u l-olokawst. “Din hi wegħda mtennija biex jiġi evitat olokawst ieħor u biex jiġi affermat mill-ġdid il-kunċett tad-dinjità umana.”
Il-Ministru Borg qal ukoll li f’dan il-jum ta’ riflessjoni profonda huwa importanti nitgħallmu mill-passat hekk kif il-gwerra reġgħet waslet fil-kontinent tagħna u nagħrfu li l-ġenoċidju ma jseħħx biss waħdu iżda proċess kostanti li jista’ jibda jekk id-diskriminazzjoni, razziżmu, mibegħda, ma jiġux imwaqqfa.
Kien hawn fejn sostna li l-anti-semitiżmu huwa rażżiżmu. “Il-komunità internazzjonali u l-gvernijiet individwali għandhom jirrispondu b’mod qawwi. Aħna qed nagħmlu l-parti tagħna u se nkomplu nappoġġjaw bis-sħiħ il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ razziżmu, ksenofobija u intolleranza relatata. Sena ilu adottajna l-ewwel strateġija kontra r-razziżmu bil-għan li nikkonfrontaw u neliminaw ir-razziżmu fil-forom kollha tagħha.”
Tkellem ukoll dwar il-kunċett ta’ rikonċiljazzjoni fejn qal li s-sinjifikat ta’ dan il-jum huwa wkoll li tagħti setgħa lill-ġenerazzjonijiet tagħna u tal-ġejjieni biex filwaqt li nkunu konxji tal-passat nibnu sens ġdid ta’ responsabbiltà biex jgħin jinqered l-anti-semitiżmu u forom oħra ta’ preġudizzju. “Inħeġġiġkom nibqgħu b’saħħitna fl-impenn tagħna li ma ninsew qatt,” temm jgħid il-Ministru Borg.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li llum aktar minn qatt qabel irridu nkunu determinati li dak li seħħ, ma jerġa’ jseħħ qatt. Qal li minbarra li nfakkru, irridu ngħallmu.
“Biex ma jerġax jiġri qatt dak li seħħ iridu nirrifjutaw kull forma ta’ mibegħda, inkluż dik abbażi ta’ razza. L-antisemitiżmu m’għandux jitħalla jrabbi l-għeruq fl-ebda komunità, fl-ebda pajjiż,” qal Fenech Adami.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li mingħajr ebda dubju ġenoċidju juri l-att l-aktar krudili u malizzjuż li jisa’ jasal għalih il-bniedem. Huwa enfasizza wkoll fuq l-importanza tal-edukazzjoni b’mod partikolari minn età bikrija sabiex it-tfal tagħna jitgħallmu xi tfisser ir-rispett u t-tolleranza li għandna nuru lejn xulxin mingħajr distinzjoni, ta’ kulur, twemmin u anke ta’ razza.