“Se nżommu u niggarantixxu l-istabbiltà sħiħa fil-prezzijiet tal-enerġija. Se nkomplu nagħtu mill-qalb u bil-qalb. Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-prezzijiet tal-petrol, tad-dijżil u tal-gass issussidjajniehom u se nkomplu nissussidjawhom bil-qalb.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi Stqarrija Ministerjali fil-Parlament, fil-kuntest ta’ żviluppi internazzjonali li komplew jeskalaw u l-impatt tagħhom beda jinħass u jidher.
Huwa beda billi stqarr li f’dinja li qiegħda tinbidel b’pass mgħaġġel ħafna, Malta tibqa’ soda, stabbli u fuq in-naħa tan-nies u tan-negozji. “Meta l-avvenimenti fid-dinja qegħdin jiċċaqilqu b’veloċità kbira, ir-responsabbiltà tagħna hi li nżommu lil Malta stabbli, protetta u mħarsa,” qal il-Prim Ministru.
Huwa sostna li llum, għall-ewwel darba f’erba’ snin, il-prezz taż-żejt qabeż sew il-100 dollaru l-barmil. Tant li kien hemm mumenti fejn saħansitra miss il-120 dollaru l-barmil.
“Dan ukoll b’konsegwenza tal-fatt li hemm magħluq l-Istrett ta’ Hormuz, passaġġ dejjaq imma kruċjali għas-settur tal-enerġija fejn 20% tal-gass u ż-żejt jgħaddi minn hemmhekk,” kompla jispjega l-Prim Ministru.
Huwa tenna li qegħdin ngħixu żminijiet li ma huma xejn sbieħ għad-dinja.
Żminijiet ta’ taqlib ġeopolitiku kbir. Żminijiet li jitolbu għaqal, maturità u responsabbiltà fit-tmexxija. “L-isfidi internazzjonali laqtu l-ħajja ta’ kuljum tal-familji tagħna anke ta’ nies imbiegħda wisq mir-reġjun fejn għaddejja l-gwerra.”
Quddiem dan kollu, qal il-Prim Ministru, bħala pajjiż newtrali nibqgħu ffukati li dejjem inwasslu l-messaġġ tagħna għal de-eskalazzjoni. Kien hawn fejn semma li fl-aħħar jiem huwa tkellem permezz tat-telefon mal-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa u miegħu enfasizza l-ħtieġa li r-rispons tal-mexxejja ta’ Stati Ewropej irid ikun wieħed aktar effettiv u b’aktar intensità favur id-de-eskalazzjoni.
Dr Abela żied jgħid li bħala pajjiż għandna d-dmir li nitkellmu b’saħħitna kollha dwar il-ħtieġa ta’ stabbiltà internazzjonali.
“Quddiem dawn it-tensjoniiet kbar kollha, il-ħidma tagħna tistrieħ fuq 2 binarji: li nistinkaw kemm nifilħu għall-paċi u li nieħdu ħsieb lill-familji u lin-negozji kollha,” qal il-Prim Ministru.
“Urejna kif bħala pajjiż kapaċi nkunu deċiżivi u verament nieħdu ħsieb liċ-ċittadini tagħna”
Il-Prim Ministru żied jgħid li s-Sibt filgħodu, wara ħidma kbira mill-awtoritajiet Maltin, waslu f’pajjina ċittadini Maltin b’titjira diretta minn Dubaj fl-Emirati Għarab Magħquda.
“Urejna kif bħala pajjiż kapaċi nkunu deċiżivi u verament nieħdu ħsieb liċ-ċittadini tagħna. Assigurajna li ċ-ċittadini tagħna jiġu lura lejn pajjiżna qawwijin u sħaħ. Għamilna dan billi bħala Gvern erfajna l-ispejjeż kollha u l-kordinazzjoni marbuta mal-vjaġġ mingħajr ma ntefa’ piż wieħed fuq dawn il-familji Maltin,” qal il-Prim Ministru.
“Fis-sigħat ta’ wara li l-ajruplan telaq minn Dubaj, rajna attakk viċin l-ajruport. Min xtaq jibqa’ hemm bqajna nagħtuh l-appoġġ meħtieġ permezz tal-Ambaxxata tagħna fil-pajjiż.”
Dr Abela qal ukoll li l-Ħadd li għadda, 26 Malti li kienu fil-Qatar ġew evakwati permezz ta’ titjira tal-Qatar Airways lejn Berlin biex imbagħad ikunu f’qagħda li jirritornaw lejn pajjiżna.
“Dan il-Gvern qed iżomm lil Malta stabbli, sigura u b’direzzjoni ċara”
“Il-ġimgħa l-oħra qsamt magħkom li bħala Gvern qegħdin all hands on deck. Mhux talli aħna hekk imma llum qegħdin iffukati wkoll biex nantiċipaw l-eventwalitajiet li jistgħu jiġru biex pajjiżna jkun f’qagħda li jilqa’ għall-impatti internazzjonali.”
“F’mument ta’ tensjoni kbira internazzjonali u inċertezza ġeopolitika, dan il-Gvern qed iżomm lil Malta stabbli, sigura u b’direzzjoni ċara. Kommessi li nibqgħu nagħtu l-istabbiltà, iċ-ċertezza u s-serħan il-moħħ f’Malta sigura.
“Filwaqt li d-dinja qiegħda taffaċċja sfidi kbiar, Malta qed tibqa’ pajjiż ta’ stabbiltà, paċi u sigurtà,” kompla jgħid il-Prim Ministru. “Pajjiżna llum għandu ekonomija diversifikata fejn illum saħansitra l-qasam tal-enerġija huwa diversifikat u d-dipendenza miż-żejt kompliet tonqos.”
Il-Prim Ministru kompla jgħid li għandna l-aqwa budget fl-istorja. “Dawk id-€9.3 biljun għad-dispożizzjoni tal-pajjiż se jibqgħu hemm kif pjanat biex nibqgħu ninvestu fil-poplu u n-negozji tagħna.
“Magħna n-negozji u l-familji jafu fejn qegħdin u jafu fejn sejrin. Aħna garanzija ta’ stabbiltà ta’ serħan il-moħħ. Għandan r-riżorsi kollha meħtieġa biex nibqgħu għaddejjin. Fuq quddiem nett għandna l-vantaġġ li nesportaw is-servizzi u għandna l-aqwa ħaġa: il-qagħda finanzjarja b’saħħitha ta’ pajjiżna. Għandna warchest b’saħħtu li rnexxielna neġgħu nibnuh wara l-pandemija.”
Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru qal li 13-il sena ilu l-poplu beda paġna ġdida u għażel dan il-moviment biex imexxih. Qal li minn dakinhar “qatt ma waqajna għall-politika ekonomika tal-awsterità. La qatt konna u qatt mhu se mmorru għal din il-politika.”
“Quddiem l-instabbiltà madwarna, aħna qed noffru stabbiltà sħiħa. Quddiem l-insigurtà u l-inċertezza kollha li hawn madwar id-dnja, aħna qed nagħtu serħan il-moħħ sħiħ. U iva hekk se nkomplu nagħmlu u se nibqgħu nkunu hemm ta’ spalla għalikom, il-familji Għawdxin u Maltin u għan-negozji tagħna. Dik hi l-politika li aħna nemmnu fiha,” temm jgħid il-Prim Ministru.

