F’konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), l-Aġenzija Sedqa ressqet il-proposti tagħha fir-rigward tal-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol imnedija riċentament għall-konsultazzjoni pubblika mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon semma wħud mill-miżuri ta’ infurzar li daħlu fis-seħħ mill-Gvern kontra l-abbuż mill-alkoħol u kull tip ta’ sustanzi. Huwa stqarr li jeħtieġ aktar kuraġġ sabiex jiġġieldu l-kultura tal-alkoħol, u sabiex aktar nies jifhmu r-riperkussjonijiet ħżiena marbuta mal-abbuż tal-alkoħol.
‘‘Dan huwa l-mument li nkomplu nsaħħu l-infurzar kontra kull tip t’abbuż ta’ sustanzi, speċjalment meta jpoġġi l-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu. Kull vizzju joħodlok il-libertà tiegħek, u għaldaqstant kommessi li nkomplu nsaħħu l-prevenzjoni u nagħtu kura lil min għaddej minn dipendenza,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata ukoll mid-Direttur tal-Aġenzija Sedqa Charles Scerri u ċ-Chairperson Anna Maria Vella, fejn rrikonoxxew il-miżuri validi li daħlu fis-seħħ permezz tal-politika tal-Gvern fejn jidħol l-alkoħol. Fir-rigward tal-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol, l-Aġenzija resqet ’il quddiem għadd ta’ proposti kontra l-abbuż mill-alkoħol ibbażati fuq kunċetti ta’ prevenzjoni, edukazzjoni, l-importanza ta’ infurzar fil-komunità. Dan sabiex iwasslu għall-bidla fil-kultura dwar l-alkoħol.