Pablo, żagħżugħ ta’ 21 sena, miet ix-xahar li għadda u kellu xewqa kbira li jattendi għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li qed jitlaqqa’ bħalissa fil-kapitali Portugiża.
Konxju mill-fatt li ma kienx se jirnexxilu jgħix sal-lum, iddeċieda li jikteb ittra lil Papa Franġisku u għaddiha lil wieħed ġurnalist biex meta jkun qrib il-Papa jgħaddihielu.
L-ittra ngħatat lil Papa Franġisku ftit tal-ħin ilu minn ġurnalista Spanjol hekk kif il-Papa kien qiegħed fuq l-ajruplan jivvjaġġa lejn il-Protugall. Fl-ittra, Pablo jikteb lil Papa Franġisku: “Ma nafx jekk meta tirċievi din l-ittra hux se jkun possibbli li nakkumpanjak fil-vjaġġ tiegħu li se tagħmel f’Lisbona, jew inkella jekk Ġesù hux se jkun diġà sejjaħli għandu. Jekk inkun diġà ħdejn Ġesù nispera li jagħtini l-permess li ngħinek biex twassal il-messaġġ tiegħu.”
Pablo miet fil-15 ta’ Lulju li għadda u waqt li kien fuq is-sodda tal-mewt ħa l-voti biex daħal fl-ordni Karmelitana.