Bejn il-Ħadd 18 u t-Tnejn 19 ta’ Diċembru 2022 se ssir l-ewwel edizzjoni tal-Paola Volleyball Christmas Tournament. Dan it-tornew se jsir fil-Padiljun tal-Isport f’Kordin u barra t-team tan-nisa ta’ Raħal Ġdid, immexxi minn Mark Ħili, se jieħdu sehem ukoll it-teams ta’ Birkirkara u Mġarr. Dan it-tornew jagħmel parti mill-istrateġija tat-team Pawlist biex ikompli jippromwovi din id-dixxiplina sportiva f’pajjiżna.
Dr Kenneth Vella, li dan l-aħħar inħatar President tal-club, beda billi f’isem il-kumitat tat-tmexxija rringrazzja lis-Sur Ronnie Calleja, President tal-Assoċjazzjoni Sportiva Hibernians, tal-appoġġ kontinwu tiegħu lejn il-club, lid-diriġenti tal-clubs ta’ Birkirkara u Mġarr li mill-ewwel laqgħu l-istedina biex jieħdu sehem u anki lil coach Mark Ħili tal-assistenza tiegħu fl-organizzazzjoni. Paola Volleyball Club hu parti integrali mill-Assoċjazzjoni Sportiva Hibernians.
“Attwalment bħala club qegħdin nieħdu diversi inizjattivi anki biex insaħħu n-nursery tagħna grazzi għall-ħidma kontinwa ta’ Carmen Gauci, u anki mil-lat amministrattiv b’impenn kontinwu ta’ Claire Falzon u Alexia Brincau. Alessio Muscat ukoll qiegħed jikkordina kull nhar ta’ Sibt sessjonijiet ta’ volleyball għad-divertiment fl-istess padiljun ta’ Kordin. Ġiet ukoll imwaqqfa ftit tax-xhur ilu fergħa biex tippromwovi l-volleyball fost il-membri rġiel fi ħdan il-club minn Anthony Borg. Barra dan qegħdin nippjanaw li fix-xhur li ġejjin inħabbru diversi inizjattivi oħra, fosthom anki minn lat edukattiv ma’ numru ta’ skejjel tal-madwar,” tenna Vella.
Dwar it-tornew hu saħaq ukoll li dan ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ finanzjarju ta’ Marindex Trophies, Executive Security Services u Eclipse Technologies Limited. Finalment hija l-intenzjoni ta’ Paola Volleyball Club li dan it-tornew ta’ żmien il-Milied jibqa jiġi organizzat anki fis-snin li ġejjin.
Il-programm tat-tornew se jkun is-segwenti –
Il-Ħadd 18 ta’ Diċembru
10am – Birkirkara vs Mġarr
5.30pm – Paola vs Birkirkara
It-Tnejn 19 ta’ Diċembru
7.30pm – Paola vs Mġarr