Il-Gvern nieda l-Istrateġija u Pjan t’Azzjoni dwar l-Integrazzjoni għall-ħames snin li ġejjin. Din hija t-tieni strateġija f’dan is-settur, wara dik tal-2017. Fost azzjonijiet ewlenin li qed ikunu varati b’din l-istrateġija, biex tkompli tissaħħaħ il-koeżjoni u l-integrazzjoni, hemm ir-riforma li se ssir fil-programm “I Belong”. Sal-lum, dan il-programm serva bħala għodda ewlenija li pprovda taħriġ dwar identità, valuri u l-kultura Maltja lil aktar minn 5,000 persuna minn dakinhar li twaqqaf.
Waqt it-tnedija ta’ din l-istrateġija, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li “se naraw li dan il-programm jikber sabiex jaqdi l-ħtiġijiet tiegħu u jissaħħaħ biex inkunu nistgħu nagħtu aktar taħriġ lil aktar applikanti.”
F’dan il-kuntest, il-perjodu ta’ stennija mistenni li jonqos sabiex dawk li għandhom bżonn jagħmlu użu minn dan il-programm, ma jeħlux fis-sistema. Għal dan il-għan, se jsiru l-emendi neċessarji, se jiżdiedu n-numru ta’ istituzzjonijiet edukattivi li joffru s-servizzi fit-tieni stadju tal-“I Belong” u se jiżdied l-investiment fl-użu ta’ teknoloġija bil-għan li s-servizz ikun tal-ogħla kwalità.
“Għalhekk il-politika favur it-tisħiħ tal-integrazzjoni hija sabiex ikollna komunitajiet siguri, se tkun politika dinamika li twieġeb għall-isfidi u l-opportunitajiet li kontinwament qed jevolvu,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Din l-istrateġija tidħol aktar fid-dettall ta’ diversi rakkomandazzjonijiet relatati mal-integrazzjoni li jinsabu elenkati fid-dokument tal-Malta Labour Migration Policy li iktar kmieni dan ix-xahar infetaħ għall-konsultazzjoni pubblika.
Is-Segretarju Parlamentari semmiet ukoll kif l-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni 2025-2030 kienet preċeduta minn konsultazzjoni pubblika wiesgħa li saret matul ix-xahar ta’ Ġunju 2023. Hija esprimiet it-twemmin sħiħ tagħha li din l-istrateġija tista’ tkun ta’ suċċess, b’danakollu hemm sfidi li jridu jiġu megħluba fosthom il-preġudizzji.
“Bħala Gvern intennu l-impenn tagħna anke fil-kuntest tal-obbligi ta’ pajjiżna li jirrispetta s-saltna tad-dritt u d-drittjiet fundamentali tal-bniedem, li nagħmlu ħilitna biex nipprovdu r-rżorsi kollha għat-twettiq ta’ din il-politika mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li kiseb ukoll finanzjament ta’ €6 miljun minn fondi Ewropej għal dan il-għan,” qalet is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.
Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-governanza tal-integrazzjoni huwa meħtieġ u imprezzabbli u għal dan il-għan se jinħatar Kunsill Konsultattiv dwar l-Integrazzjoni u l-Anti-Razziżmu. Ir-rwol ewlieni ta’ dan il-Kunsill Konsultattiv se jkun li, fi spirtu kollaborattiv, jipproponi policies u servizzi fis-settur.
Fis-snin li ġejjin, ir-rwol tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem se jkun ukoll ta’ “One-Stop-Shop” b’servizzi kemm diġitali kif ukoll “in-person”, biex ikunu ta’ għaajnuna konkreta għall-klijenti. Dan se jsir permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ servizzi mainstream, ma’ servizz.gov, u ma’ oħrajn speċjalizzati, u bl-involviment ta’ medjaturi kulturali.
Barra minn hekk, se tkun disponibbli hotline apposta biex tipprovdi servizzi ta’ interpretazzjoni fil-lingwi primarji mitkellma mill-popolazzjoni tal-migranti.