Raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li aggredixxa l-eks sieħba tiegħu, li aktar tard saqsiet lill-pulizija għaliex kienu se jarrestawh waqt li t-tnejn li huma kienu fuq video call mill-isptar.
Raġel ta’ 47 sena minn Ħamrun, ingħata l-ħelsien mill-arrest nhar il-Ġimgħa wara li wieġeb mhux ħati għal diversi akkużi relatati ma’ vjolenza domestika.
L-imputat deher quddiem il-Qorti wara inċident li seħħ bejn il-ħinijiet ta’ l-4am u s-6am tal-15 ta’ Awissu ġewwa l-Ħamrun. Skont il-fatti ppreżentati l-qorti, l-argument inqala’ bejn il-Ġimgħa bil-lejl u s-Sibt filgħodu meta l-vittma allegata riedet toħroġ minflok tibqa’ d-dar.
Il-vittma wara rċeviet assistenza medika fl-Isptar Mater Dei, fejn ġiet iċċertifikata mit-tabiba Dr. Maxine Ciantar.
L-imputat qed jiffaċċja akkużi li volontarjament ikkawża ħsara fil-gisem jew fis-saħħa, u cioe’ offiża ta’ natura ħafifa fuq l-eks sieħba tiegħu, li volontarjament għamel ħsara lil apparati cellulari ta’ l-għamla Redmi li għamel theddid li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni, kif ukoll li kiser Ordni ta’ Trazzin maħruġa f’Lulju tas-sena 2025. Barra min dan, qed jiġi akkużat ukoll li rrenda ruħu reċidiv b’sentenzi.
Fuq it-talba għal-ħeslien mill-arrest, il-prosekuzzjoni nnotat li minkejja l-ordni ta’ trazzin eżistenti favur il-vittma, il-koppja baqgħet f’relazzjoni u l-vittma allegata żammet kuntatt attiv mal-akkużat.
Ġie nnotat li waqt li l-vittma kienet l-isptar biex tieħu l-kura, hija bagħtet messaġġi lill-akkużat biex iġibilha l-ħwejjeġ u jibqa’ magħha. Meta l-pulizija marru biex jarrestaw lill-akkużat, il-koppja kienu saħansitra fuq video call, bil-vittma tinstema’ ssaqsi “Se tarrestawh?”, minn fuq il-linja, minkejja li kienet hi stess li għamlet ir-rapport.
Għalhekk, meta ġiet indirizzata l-biża dwar l-intralġ tal-provi, il-prosekuzzjoni ddikjarat li ma kien hemm l-ebda bażi li din tkun problema peress li kienet il-vittma allegata stess li fittxiet b’mod attiv l-interazzjoni mal-allegat aggressur tagħha.
Il-Maġistrat ta l-ħelsien mill-arrest lill-akkużat kontra garanzija personali ta’ €2,000. Il-qorti wissiet bl-aktar mod strett lill-akkużat biex ma jersaqx u lanqas jipprova jikkuntattja lill-vittma taħt l-ebda ċirkostanza peress li l-ordni ta’ trazzin huwa għadhu attiv, filwaqt li enfasizzat li għandu jastjeni minn kwalunkwe interazzjoni anke jekk tipprova tikkuntattjah hi stess.
Il-każ kien ppresedut mill-Magistrat Jean Paul Grech.
L-Ispettur Audrey Micallef mexxiet il-prosekuzzjoni.
L-Avukat Martina Herrera deheret għad-difiża tal-akkużat.
