Wednesday, April 24, 2024

Se tinfetaħ family room barra l-konfini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-għaqda Mid-Dlam għad-Dawl li ser jara l-ftuħ ta’ family room barra l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex dawk il-priġunieri li għandhom tfal minorenni jkunu jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mal-familji tagħhom f’ambjent iktar privat u akkoljenti.

Dan il-ftehim huwa parti minn katina ta’ inizjattivi li qed jaħdem fuqhom il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi flimkien mal-fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl sabiex jgħinu lill-priġunieri u lill-familji tagħhom jaffaċċjaw l-isfidi li ġġib magħha sentenza ta’ priġunerija. Il-ftehim ser jipprovdi spazju modern u mgħammar apposta għall-ħtiġijiet tal-priġunieri u tal-familji tagħhom. Dan jinkludi kmamar ta’ rikreazzjoni fejn il-ġenituri jistgħu jilagħbu mat-tfal f’ambjent sigur. Il-xogħol fuq il-family room ser jibda fil-jiem li ġejjin. 

Il-Ministru Camilleri qal li r-riċerka turi li wieħed minn kull tliet persuni li jidħlu l-ħabs f’pajjiżna kellhom lil xi ħadd fil-familja li kien il-ħabs. “Huwa fid-dover tagħna bħala soċjetà li filwaqt li ma ninsew qatt il-ġustizzja mal-vittma, nassiguraw aktar opportunitajiet ta’ integrazzjoni kemm għall-priġunieri meta jerġgħu jsiru parti mill-komunità wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom kif ukoll għall-familji tagħhom li jsofru minn esklużjoni soċjali,” saħaq il-ministru.

Il-Ministru Camilleri tenna li l-gvern qed jaħdem fuq diversi inizjattivi b’rabta mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Huwa spjega li l-ordni hija l-bażi ta’ kollox, għax l-ordni u s-serenità jagħtu l-ambjent biex jissaħħaħ l-aspett riabilitattiv.  

George Busuttil, f’isem mid-Dlam għad-Dawl, irringrazzja lill-awtoritajiet għal dan il-ftehim fosthom lill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi għall-koperazzjoni tagħha biex dan il-ftehim isir realtà.

Sport