Sunday, November 24, 2024

“Se tispiċċa ħażin miegħi … ibża’ minni jekk tarani”

… Sena u nofs ħabs u multa għal mara fuq theddid lis-social worker

Aqra wkoll

Mara ta’ 35 sena, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġiet ikkundannata sena u nofs ħabs u mmultata €1,000  wara li nstabet ħatja li heddedt social worker li kienet qed tinvestiga każ ta’ abbuż fuq uliedha. 

L-Ispettur Roderick Spiteri spjega fil-qorti li l-każ seħħ bejn il-11 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru tal-2022. 

Is-social worker xehdet li hija kienet qed issegwi il-familja tal-akkużata meta din kienet qed tgħix fir-residenza tagħha flimkien ma’ wliedha f’Bormla u fil-Belt Valletta. Xehdet ukoll li meta kienet qed tieħu ħsieb il-każ, tqanqal suspett li t-tfal kienu qegħdin imorru jgħixu mal-membri tal-familja, inkluż ma’ missierhom. 

Fil-Qorti ntqal li meta l-omm saret taf b’dak li kienet qed taħseb is-social worker, bagħtitilha xi messaġġi ta’ theddid bil-kliem; “se tispiċċa ħażin miegħi” u “ibża’ minni jekk tarani”.

Il-Qorti pproseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima sabet lill-omm ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha u minbarra l-piena ta’ ħabs u l-multa, ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin biex tipproteġi lis-social worker.

Il-Maġistrat Grima rabtet ukoll lill-omm b’kundizzjoni li jekk iddejjaq lis-social worker fi żmien sena timmultaha €2,000.

Sport