Friday, November 15, 2024

Se titnieda konsultazzjoni dwar l-użu ta’ tracking devices għar-residenti f’San Vinċenz

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Se ssir konsultazzjoni pubblika dwar l-użu ta’ apparat li jsegwi l-movimenti tal-anzjani (tracking devices) residenti f’San Vinċenz de Paul. Dan se jkun qed isir bil-għan li tiżdied u tissaħħaħ is-sigurtà tal-anzjani f’din ir-residenza.

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar dan fi tweġiba li ta għal mistoqsija parlamentari fejn qal ukoll li r-residenza San Vinċenz qiegħda tipparteċipa b’mod attiv f’dan il-proċess sabiex eventwalment jiġu implimentati r-riżultanzi. 

Il-Ministru Abela għamel elenku tar-rakkomandazzjonijiet kollha li għamel l-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia fir-rapport tiegħu dwar l-għajbien ta’ Carmelo Fino mir-residenza San Vinċenz de Paul nhar it-28 ta’ Ġunju 2022 u kif dawn qed jiġu implimentati. Il-katavru ta’ Fino kien instab ftit tal-ġimgħat wara f’għalqa f’Birżebbuġa u l-identità tiegħu ġiet ikkonfermata minn analiżi tad-DNA.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Abela qal li qed jiġu mħejjija linji gwida sabiex il-professjonisti mediċi jkun jistgħu jsegwu meta jsiru l-allokazzjonijiet tas-swali. Ladarba dawn jitlestu, għandhom jiġu adottati u implimentati minn San Vinċenz bħala policy.

Qal ukoll li qed issir analiżi sabiex ikun assigurat il-livell ta’ sorveljanza permezz ta’ CCTV cameras li hemm installati fir-residenza. Sar ukoll eżerċizzju sabiex jiġi rilokati numru ta’ CCTV cameras b’mod strateġiku sabiex jitneħħew minn dawn dirett li seta’ jaffettwa l-viżibilità tagħhom. 

Minbarra dan, f’San Vinċenz żdied in-numru ta’ uffiċjali tas-sigurtà sabiex tkun assigurata sorveljanza bil-preżenza fiżika fis-swali.

F’dak li jirrigwardja l-iskrutinju tal-ħiliet tal-impjegati, il-Ministru Abela qal li l-ingaġġar u reklutaġġ tal-impjegati kollha sir skont ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u l-impjegati kollha huma marbutin bil-‘job descriptions’ rispettivi tagħhom.

L-infermiera huma obbligati wkoll li jippreżentaw ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-Kunsill tal-Infermiera. Fil-każ ta’ infermiera barranin, dawn huma obbligati li jagħmlu placements qabel ma jkunu eleġibbli għar-reġistrazzjoni.

Barra minn hekk, il-carers kollha għandhom jippreżentaw iċ-ċertifikati ta’ kompetenza. Jingħataw ukoll ‘induction courses’ li permezz tagħhom jiġu stabbiliti l-ħiliet tal-carers. Isiru wkoll refresher courses għall-impjegati kollha f’San Vinċenz organizzati miċ-Ċentru ta’ Taħriġ, f’San Vinċenz. 

L-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz, kontinwament tisħaq illi l-infermiera u s-senior management għandhom jagħmlu rapport dettaljat f’każ ta’ inċidenti, liema rapporti għandhom imbagħad ikunu investigati. 

Wara li sar audit fuq ir-records miżmumin minn San Vinċenz, irriżulta li fil-maġġoranza assoluta (98%) tal-każijiet, in-noti u r-records tal-files mediċi huma ċari u dettaljati. Intqal li preżentament qiegħda tiġi esplorata l-possibilità li tiġi introdotta sistema kompjuterizzata li fuqha jinżammu r-records kollha u n-notamenti li jsiru mill-professjonisti.

Intqal ukoll li bħala regola, l-iStandard Operating Procedures kollha jiġu aġġornati kull tlitt snin, jew skont l-eżiġenzi jekk ikun il-każ.

Dwar iż-żjarat f’San Vinċenz, il-Ministru Abela qal li kull viżitatur għandu jagħmel appuntament minn qabel u għandu wkoll jirreġistra fil-main reception meta jżur ir-Residenza. 

Minbarra dan, il-viżitatur qiegħed jingħata wristband ikkulurita. L-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz ħadet ħsieb ukoll li żżid il-preżenza ta’ uffiċjali tas-sigurtà. Uħud minn dawn l-uffiċjali qed ikunu stazzjonati fl-entraturi tas-swali. 

Apparti sorveljanza ta’ min dieħel u ħiereġ fis-swali, l-uffiċjali tas-sigurtà jaraw ukoll li kull viżitatur għandu wristband, li l-impjegati kollha jilbsu identification tags u jinżamm rekord tar-residenti li joħorġu mis-sala. 

Preżentament, hemm kamra tas-sigurtà, mgħammra b’apparat apposta sabiex tkun tista’ ssir is-sorveljanza tar-Residenza kollha 24 siegħa kuljum. F’din il-kamra jkun hemm tal-anqas uffiċjal tas-sigurtà wieħed il-ħin kollu.

Finalment, il-Ministru Abela qal li se jsiru aktar sforzi sabiex il-komunikazzjoni u l-interazzjoni bejn l-impjegati u l-management jissaħħu u b’hekk tissaħħaħ ir-relazzjoni bejniethom. 

Ekonomija

Sport