Seba’ persuni nstabu li kienu qed jsuqu taħt l-influwenza tal-alcohol waqt kontrolli tat-traffiku mill-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun, kmieni l-Ħadd filgħodu.
Il-Pulizija qalet li waqt dawn il-kontrolli, l-uffiċjali waqqfu ukoll sitt persuni li kienu qed joperaw vettura mingħajr liċenzja valida u ingħataw diversi kontravenzjonijiet dwar ksur tar-regoli tat-traffiku.
Il-Pulizija qalet ukoll li waqt li l-uffiċjali kienu qed iwettqu dawn il-kontrolli, xufier ta’ vettura sarlu sinjal sabiex jieqaf iżda huwa m’obdiex u twaqqaf ftit tal-ħin wara.
Ix-xufier u passiġġier fl-istess karozza nstabu li kienu qed jiksru kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, filwaqt li s-sewwieq ma kellux liċenzja valida.