Thursday, March 28, 2024

Zelensky u l-Gwerra mar-Russja

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Bħalma qiegħda tagħmel il-maġġoranza tal-midja internazzjonali, f’dawn il-paġni, mhux l-ewwel darba li ttrattajna l-kriżi li hemm bħalissa bejn ir-Russja u l-Ukrajna. F’dawn l-artikli konna analizzajna r-raġunijiet li hemm wara din il-kriżi, dejjem skont l-esperti tal-politika ta’ dan ir-reġjun, kif ukoll il-possibiltajiet li din il-kriżi tissarraf fi gwerra bejn dawn iż-żewġ pajjiżi ġirien.

Mir-rapporti li dehru fil-midja sa issa, qisha kienet qiegħda tingħata l-impressjoni li wara l-Ukrajna kien hemm front ta’ pajjiżi tal-punent, bl-Istati Uniti u r-Renju Unit fuq quddiem nett, u warajhom, forsi bi ftit anqas entużjażmu, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li sa ċertu punt forsi qegħdin iżommu kemm kemm lura fil-kritika fejn ir-Russja minħabba interessi kummerċjali li dawn għandhom mar-Russja. Però, f’dawn l-aħħar jiem, kien hemm żvilupp importanti li minnu ħarġu ċertu dubji kemm l-Ukrajna qiegħda tafda lill-pajjiżi tal-punent bil-futur demokratiku tagħha. Dawn id-dubji nħolqu minn ċertu dikjarazzjonijiet li għamel dan l-aħħar Volodymyr Zelensky, il-President tal-Ukrajna.

Dikjarazzjonijiet konflinġenti

Filwaqt li l-Istati Uniti u l-alleati tagħha kemm-il darba ddikjaraw li kulma jmur it-theddida ta’ invażjoni mit-truppi Russi tal-Ukrajna qiegħda tiżdied, il-President tal-Ukrajna, kif ukoll diversi ministri minn tiegħu, qegħdin bħal speci jxejnu l-possibilità ta’ din it-theddida. Permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, it-tmexxija Ukrena kkontradixxiet diskors li għadu kemm għamel Joe Biden fejn qal li huwa konvint li Putin għandu l-intenzjoni li jinvadi l-Ukrajna. Barra minn hekk, waqt żjara li għamel f’dawn il-jiem ġewwa Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li bħalissa “fil-fruntiera hemm l-akbar theddida militari għall-Ukrajna li qatt rajna f’dawn l-aħħar sittin sena”.

Minkejja l-preżenza militari massiva ta’ truppi Russi fuq il-fruntiera, skont il-President Zelensky, l-akbar theddida għad-demokrazija ta’ pajjiżu mhijiex ġejja minn Putin iżda minn diversi gruppi separatisti li hemm ġewwa l-Ukrajna, kif ukoll minn ċertu politiċi bħal Petro Poroshenko, li kien tilef il-poter meta Zelensky kien rebaħ l-elezzjoni presidenzjali tal-2019. Ta min jgħid li l-gvern Ukren ilu għal dawn l-aħħar tmien snin fi gwerra ma’ dawn il-gruppi li għandhom l-appoġġ ta’ Putin, appoġġ li wassal għall-invażjoni mill-qawwiet Russi tal-Krimea u ta’ żona fir-reġjun tad-Donbar. Skont Zelensky, it-theddida militari mir-Russja minn dejjem kienet hemm u huwa saħansitra talab lill-mexxejja tal-punent sabiex jieqfu milli jkomplu jaghmlu dikjarazzjonijiet bhal dik ta’ Biden għaliex huwa jaf jaqra l-politika tar-reġjun ħafna aħjar minnhom. 

X’jaħseb il-poplu Ukren fuq l-Istati Uniti u l-Patt ta’ Minsk

Minkejja li l-atteġġjament kalm ta’ Zelensky vis-à-vis din il-kriżi ġab xi kritika minn nies bhal Petro Poroshenko, li kemm il-darba akkużah li huwa mingħajr esperjenza, il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-Ukrajna jaqblu mal-mod kawt li qiegħed jimxi bih il-president tagħhom. Fil-fatt, ħafna Ukreni wrew li ma tantx jafdaw lill-Istati Uniti għaliex ħafna minnhom qegħdin jissuspettaw li l-Amerikani qegħdin jinqdew b’din is-sitwazzjoni u b’pajjiżhom sabiex jippruvaw jagħtu daqqa taħt iċ-ċintorin lil Putin. 

Dan in-nuqqas ta’ fiduċja fl-Istati Uniti u fil-pajjiżi tal-punent miċ-ċittadini tal-Ukrajna ġejja mill-attitudni kontroversjali li ħadu l-pajjiżi tal-punent fuq ‘l hekk imsejjaħ Patt ta’ Minsk. Dan jikkonsisti f’numru ta’ kundizzjonijiet li Putin għamel lill-Ukrajna permezz ta’ diversi rikatti u theddid lura fl-2015. Fost oħrajn dawn il-kundizzjonijiet jinkludu veto fuq il-politika barranija ta’ diversi reġjuni ġewwa l-Ukrajna li fihom jgħixu ċittadini li huma favur Putin. Il-ġimgħa d-dieħla mistennija ssir laqgħa importanti bejn l-Ukrajna, ir-Russja, Franza u l-Ġermanja fuq l-implimentazzjoni ta’ dan il-patt. L-attitudni li sejrin jieħdu Franza u l-Germnanja matul din il-laqgħa taf tkun strumentali għall-perċezzjoni li sejjer jieħu l-poplu Ukren fuq is-suppost alleati tagħhom. Sa issa dawn il-pajjiżi urtaw bil-kbir lill-poplu Ukren għaliex qishom qegħdin jippruvaw jikkonvinċu lill-Gvern Ukren sabiex jaċċetta dawn il-kundizzjonijiet umiljanti għall-aħħar.

L-istrateġija ta’ Zelensky

Minkejja l-attitudni kalma ta’ Zelensky u tad-dikjarazzjonijiet tiegħu li semmejna, ħafna analisti tal-politika internazzjonali qegħdin jissuspettaw li Zelensky qiegħed jaħdem minn wara l-kwinti u jipprepara għal kull eventwalità. 

Dawn is-suspetti komplew ikunu kkonsolidati wara li xi rapporti li ħarġu dan l-aħħar fuq ġurnali Ingliżi juru biċ-ċar li l-Ukrajna qiegħda tirċievi ħafna għajnuna militari mill-Istati Uniti. L-Istati Uniti qiegħda wkoll tagħti ħafna informazzjoni militari fuq il-qawwiet Russi lill-Armata Ukrena. 

Il-poplu magħqud kontra Putin

L-aktar ħaġa ċerta fuq din il-kwistjoni hija li l-maġġoranza tal-poplu Ukren huwa kontra kull indħil mir-Russja fuq it-tmexxija ta’ pajjiżhom. Din il-konvinzjoni tal-poplu Ukren ħafna drabi ġejja minn ragunijiet patrijottiċi imma mhux biss. Pereżempju, għal ħafna biljunarji Ukreni li huma magħrufa li stagħnew bil-korruzzjoni massiva li minn dejjem iddominat lill-dan il-pajjiż, indħil dirett tar-Russja ikun ifisser li huma jkollhom jaqsmu d-dħul mill-korruzzjoni ma’ nies bħalhom mir-Russja. Dawn in-nies diġà kellhom xogħfa meta tilfu ħafna mid-dħul tagħhom mill-Krimea u mid-Donbar wara d-dħul tar-Russi fihom. Għalhekk, dawn in-nies influwenti żgur sejrin ikunu qegħdin jaħdmu sabiex l-invażjoni Russa ma sseħħx.

Kif qal tajjeb l-eks President Ukren Petro Poroshenko, “dak li jrid Putin mill-Ukrajna mhuwiex neċessarjament dak li fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedi li jagħmel”. Id-deċiżjoni finali ta’ Putin fuq kif sejra tkun użata l-armata tiegħu f’din il-kwistjoni tiddipendenti hafna fuq kemm il-poplu Ukren sejjer jibqa’ magħqud sabiex izomm intatta d-demokrazija ta’ pajjizu, kif ukoll fuq is-sinjali li sejrin jibagħtu l-pajjiżi tal-punent, kemm lejn il-poplu Ukren kif ukoll lejn Putin.

Ekonomija

Sport