Sirjan ta’ 21 sena li joqgħod Ħal Qormi kien ikkundannat seba’ xhur ħabs wara li nstab ħati li seraq €1,300 minn ġo karozza.
Ibrahim Mohammad kien mixli li fil-21 ta’ Ġunju 2019, ħdejn il-bandli li jinsab fi Triq San Ġużepp f’Raħal Ġdid, seraq l-imsemmi ammont minn vettura b’dannu għal Burton Azzopardi.
Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud l-akkużat sostna li huwa kien ħdejn il-karozza u Azzopardi fil-ħin tal-każ.
Huwa nsista li peress li kellu ritratti għand l-eks-tfajla fl-envelopp ħadu għax riedhom lura u meta nduna li kien hemm il-flus fihom irritornahom.
Madankollu l-Maġistrat Mifsud irrimarka li s-serq sar u jekk Mohammad kellux f’moħħu li jieħu r-ritratti biss jew il-flus mhux ċert.
Kien għalhekk li sabu ħati u minbarra s-seba’ xhur ħabs rabtu b’obbligazzjoni ta’ €2,000 biex ma jdejjaqx lil Azzopardi.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Hubert Cini li investiga l-każ.