Sunday, December 29, 2024

Sebgħa arrestati f’żewġ rejds għad-droga

Aqra wkoll

Seba’ persuni ġew arrestati f’żewġ rejds separati li saru fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Dan wara li nstab ammont konsiderevoli ta’ droga kokaina lesta għat-traffikar. 

L-ewwel operazzjoni saret fl-akwati Tal-Qroqq. Wara li l-Pulizija kellha informazzjoni dwar traffikar ta’ droga, il-Pulizija segwiet vettura u malli waslet fi Triq Maria Teresa Spinelli, iċċirkondawha u ġie arrestat raġel ta’ 53 sena. Fil-pussess tiegħu nstabu numru ta’ qratas bil-kokaina. 

Aktar tard, il-Pulizija wettqu t-tieni operazzjoni, din id-darba f’appartament fi Triq Manuel Magri, il-Ħamrun. Minn dan l-appartament ġew arrestati sitt persuni, tlitt irġiel u tliet nisa, li l-età tagħhom tvarja bejn l-20 sena u t-53 sena.Hawnhekk, il-Pulizija sabet ukoll ammont konsiderevoli ta’ droga kokaina, kemm fi qratas lesta biex tkun traffikata u sustanza oħra li kienet fil-proċess biex tinqasam f’aktar qratas. Il-Pulizija kkonfiskat ukoll ammont ta’ flus kontanti miż-żewġ postijiet. 

B’rabta ma’ dawn is-sejbiet ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca u ħatret inkjesta. Illum waranofsinhar, se jitressqu l-Qorti żewġ persuni quddiem il-Maġistrat Dr Noel Bartolo. L-investigazzjonijiet fil-konfront tal-persuni l-oħra għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport