Tuesday, May 14, 2024

L-aggressur ta’ Texas daħal fl-iskola minn bieb li suppost ikun dejjem imsakkar

Aqra wkoll

Il-pulizija ta’ Texas qalu li l-aggressur li qatel 21 persuna fi skola l-ġimgħa li għaddiet, daħal fil-binja minn bieb li suppost ikun dejjem imsakkar imma għal xi raġuni dakinhar ma kienx. 

It-Texas Department of Public Safety (DPS), li qiegħed jinvestiga r-rispons għal dan il-każ, ikkonferma li għalliema kienet fetħet dan il-bieb. 

Rapporti inizjali li l-aggressur daħal fl-iskola minn bieb li bi żball tħalla miftuħ minn għalliema kienu qed jissuġġerixxu li nkisret il-policy tal-iskola li tgħid li l-bibien għandhom jinżammu dejjem magħluqa u msakkrin. Iżda, l-avukat tal-għalliema qal li l-klijenta tiegħu ħasbet li l-bieb jissakkar waħdu hekk kif dan dejjem ikun imsakkar. L-avukat qal li l-għalliema kienet fetħet il-bieb u poġġiet ġebla ħalli ma jingħalaqx sakemm hija ġarret xi ikel mill-karozza tagħha lejn il-klassi. Hija mbagħad kienet neħħiet il-ġebla hekk kif sar magħruf li fil-kampus tal-iskola kien hemm raġel b’arma tan-nar. Kelliemi għal Texas DPS qal li huma għandhom konferma b’filmati li l-bieb kien ingħalaq, u għalhekk l-investigaturi qed jaraw kif dan ma ssakkarx. 

L-iskola u l-pulizija qed jiffaċċjaw kritika qawwija b’rabta ma’ dan l-attakk. F’konferenza tal-aħbarijiet li kien hemm tard il-ġimgħa li għaddiet il-kap ta’ DPS Steven McCraw ikkonferma li 19-il uffiċjal tal-pulizija baqgħu fis-sala ewlenija tal-iskola hekk kif l-aggressur inqafel fi klassi. Huwa qal li dawn il-pulizija stennew lill-fattiga jiġi biċ-ċwievet tal-klassi għax ħasbu li s-sitwazzjoni ma kinitx għadha għaddejja.  McCraw qal li din kienet deċiżjoni żbaljata. 

Sport