Sunday, December 22, 2024

Segretarja mixlija li ffrodat €500,000 lil min kien iħaddimha

Aqra wkoll

Segretarja part-time baqgħet taħt arrest preventiv wara li ġiet mixlija li ffrodat lil min kien iħaddimha aktar minn nofs miljun ewro fuq perjodu ta’ sitt snin. 

Josephine Baldacchino ta’ 48 sena mill-Mosta kienet mixlija bi frodi u misapproprjazzjoni, falsifikazzjoni ta’ dokumenti u użu ħażin ta’ ċekkijiet iffirmati vojta. Hija kienet akkużata wkoll b’ħasil ta’ flus. 

Hija wieġbet mhux ħatja tal-akkużi li nġiebu kontrieha, bl-Avukat Roberto Montalto li qed jidher għaliha, talab għall-ħelsien mill-arrest tagħha. 

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kien assistit mill-Ispettur George Frendo, oġġezzjonaw għall-imsemmija talba. 

“Għandna persuna fdata f’kumpanija, li allegatament iffrodat aktar minn €500,000. L-akkużi huma serji ħafna. Hija allegatament għamlet dan fuq perjodu ta’ sitt snin. Lil hinn minn dan, hemm il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi. Jekk tingħata l-libertà proviżorja, teżisti biża’ reali li l-investigazzjonijiet jiġu affetwati,” qal l-Ispettur Frendo. 

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputata sakemm jitla’ jixhed l-allegat vittma. Il-Qorti ordnat ukoll li jiġu ffriżati l-assi kollha tagħha.

L-Avukat Arthur Azzopardi u Matthew Brincat dehru parte civile għall-vittma.

Ekonomija

Sport