Saturday, November 23, 2024

Segretarju tal-GWU jikkundanna ‘cyberbullying’ ma’ pulizija

Aqra wkoll

Is-Segretarju tat-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurta u tal-Infurzar tal-Liġi tal-GWU Theo Vella esprima s-solidarjeta mal-pulizija mara li spiċċat fl-aħbarijiet wara li dehret tiżfen bl-uniformi u ikkundanna s-‘cyberbullying’ li qed isir fil-konfront tagħha.

“Jekk wieħed jidħol f’YouTube isib filmat fejn il-banda tal-Pulizija Maltija qed tiżfen bl-uniformi waqt li qed idoqqu d-diska “Despacito” u n-nies vera kienu qed jieħdu pjaċir b’din iż-żifna. Allura dawn dakinhar bdew jirredikolaw l-uniformi? Żgur li le! Il-pubbliku kien qed jiddeverti u l-pulizija kienu sodisfatti li n-nies kienu qed ikomplu magħhom”, huwa saħaq.

Vella irrimarka li l-‘internal affairs’ tal-Korp huwa obbligat li jagħmel id-dover tiegħu u jinvestiga kull allegazzjoni li jirċievi madankollu appella biex jekk jittieħdu passi dixxiplinarji f’dan il-każ ikunu raġjonevoli u proporzjonati.

Bosta kienu dawk li wkoll qablu ma’ din il-linja ta’ ħsieb b’uħud jgħidu li kien hemm każijiet oħra iktar serji fi ħdan il-Korp li ried jindirizza u oħrajn li fuq il-mezzi soċjali tellgħu filmati jew ritratti ta’ uffiċjali barranin bl-uniformi, inkluż pulizija u infermieri, jiżfnu jew jiċċajtaw bejniethom.

Sport