Monday, May 13, 2024

“Il-Covid-19 ġabet esklużjoni fost iż-żgħażagħ”

Aqra wkoll

Isostni dan Ryan Portelli mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Professjoni tal-Councelling f’webinar organizzat mill-GWU Youths

Minn CLAUDIO COLEIRO

Il-Covid-19 ġabet magħha sens ta’ esklużjoni u iżolazzjoni fost iż-żgħażagħ hekk kif dawn ma jistgħux jiltaqgħu ma’ sħabhom kif kienu jagħmlu sa ftit tal-ġimgħat ilu. 

Sostna dan Ryan Portelli, rappreżentant tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Professjoni tal-Councelling (MACP), meta kien qed jitkellem f’webinar live organizzat mill-GWU Youths li tratta kif il-Covid-19 qed jaffettwa s-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ. 

Portelli beda biex qal li mil-lat psikoloġiku, kwalunkwe bidla li persuna tgħaddi minnha f’ħajjitha, bħal pereżempju meta tiġi biex tbiddel l-impjieg jew id-dar tiegħek, iġġorr magħha ammont ta’ stress. 

Huwa qal li dan jirrifletti wkoll anke f’dan iż-żmien tal-Covid-19 li ġabet magħha bidla li qiegħda taffettwa lilna lkoll. Qal ukoll li l-fatt li fuq il-mezzi soċjali kontinwament qed naqraw fuq din il-pandemija qed tħalli l-impatt tagħha, anke fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Portelli sostna li l-Covid-19 ħarbtet ukoll ir-rutina ta’ kuljum taż-żgħażagħ, għax waqt li qabel kienu joħorġu u jiltaqgħu ma’ sħabhom, issa qed ikollhom jikkomunikaw ma’ xulxin b’mod virtwali.

“Irridu nadattaw għal din ir-realtà ġdida. Il-pandemija ġabet magħha sens ta’ iżolazzjoni u esklużjoni. Nista’ nikkomunika ma’ ħaddieħor iżda ma nistax nagħmel ir-rutina tiegħi ta’ kuljum, jew dak li kont nagħmel qabel ma’ sħabi,” qal Portelli. 

Huwa qal ukoll li s-saħħa mentali qed tiġi affettwata wkoll minħabba l-instabbilità u l-biża’ li ma tkunx taf x’se jiġri ‘l quddiem. Qal li din l-instabbilità ħolqot sens ta’ insigurtà fost ħafna persuni.

Barra minn hekk, żied jgħid Portelli, il-Covid-19 ħalliet l-effetti tagħha anke mill-aspett finanzjarju u dan hekk kif numru ta’ żgħażagħ setgħu tilfu l-impjieg part-time li kellhom. Qal li: “l-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ qed tiġi affettwata wkoll minħabba li l-ġenituri tagħhom jkunu tilfu l-impjieg, jew tnaqqsitilhom il-paga.”

Huwa temm jenfasizza fuq l-importanza li mhux tkun dgħajjef iżda konxju ta’ dak li qed jiġri madwarek, b’dan ikun l-ewwel pass biex persuna tkun tista’ timxi ‘l quddiem f’ħajjitha.

Sport