Saturday, December 21, 2024

Sejba ta’ elementi rari mistennija tagħti spinta l-pjan ta’ Green Deal

President tal-Kamra tal-Ġeoloġi, Dr Peter Gatt

Sephora Cutajar
Sephora Cutajar
Ġurnalista

Aqra wkoll

Sejba importanti fl-Isvezja li saret fl-aħħar ġimgħat ġiet deskritta bħala waħda straordinarja, b’depożitu ta’ minerali rari. Dawn il-minerali jintużaw f’diversi oġġetti li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum – minn smartphones sa televisions u kif ukoll kompjuters u batteriji – filwaqt li dawn il-minerali speċifiċi jintużaw ukoll għall-karozzi elettriċi.

Dan is-sit tkellem mal-President tal-Kamra tal-Ġeoloġi, Dr Peter Gatt fejn spjegalna għalfejn din is-sejba ta’ minerali rari hija meqjusa bħala waħda importanti.

Elementi rari b’użu importanti industrijali

Dr Gatt qalilna li dawn l-elementi rari għandhom użu importanti industrijali speċjalment li ssostni t-transizzjoni enerġetika li l-Ewropa trid tagħmel fil qafas tal-Green Deal. Dawn jikkonsistu f’grupp ta’ elementi li jintużaw għal prodotti elettroniċi u fil każ tal-Neodymium għal produzzjoni ta’ kalamiti qawwija li jintużaw f’ħafna prodotti elettriċi.

Konna nafu li f’ċertu blat li hemm fl-Iżvezja hemm l-elementi rari…

Dan il-blat huwa ġeoloġikament qadim ħafna, u ifforma iżjed min biljun sena ilu.   Iżda il-konċentrazzjoni ta’ dawn l-elementi fil-blat ma kinitx biżżejjed biex tagħmel l-estrazzjoni tagħhom ekonomika. Din is-sejba ta’ elementi rari f’konċentrazzjoni ekonomika tagħmilha possibbli biex isir it-tħaffir u estrazzjoni tagħhom. Id-depożitu ta’ elementi rari instab fost depożitu ta’ ħadid li jissejjaħ Per Geijer, imsemmi wara ġeologu Żvediz b’dak l-isem u jinstab viċin il-belt ta’ Kiruna fit-Tramuntana tal-Iżvezja fejn għal bosta snin hemm minjieri tal-ħadid. Id-depożitu ta’ elementi rari ġew skoperti meta tħaffret mina twila ħafna kilometri u fonda 700 metru mil-minjieri tal-ħadid li bħalissa jintużaw għad-depożitu ta’ Per Geijer. B’hekk ittieħdu kampjuni tal-blat u hemm livell għoli ta’ ċertezza tal-preżenza ta’ elementi rari li huma fost il-ħadid u blat fosfatiku.

Dr Gatt spjega li issa, l-pass li jmiss jinvolvi proċess twil li jista’ jieħu mal-għaxar snin sakemm id-depożitu ikun sfruttat permezz ta’ minjieri b’mod ekonomiku. L-blat li jitella’ mill-minjieri ġewwa d-depożitu jiġi pproċessat sabiex jiġu separati il-ħadid, il-fosfati u l-elementi rari. Matul dan il-proċess, il-blat jiġi mitħun fi trab fin u l-elementi rari jitneħħew bl-użu ta’ kalamita jew flotazzjoni. Kemm il-ħadid u l-fosfati għandhom użu ekonomiku mportati wkoll.

Dan kollu se jagħti spinta lil-pjan tal-Green Deal

Il-Green Deal ħolqot qafas ta’ targets għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 fil-futur li jridu jintlaħqu mil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta. Biex jintlaħqu, hemm bżonn ta’ użu ta’ teknoloġija għal-enerġija rinnovabbli li għandha bżonn l-użu ta’ elementi rari. Hemm ukoll l-użu ta’ kalamiti li jintużaw f’ħafna apparat li isib id-dar kif ukoll fil-vetturi elettriċi. Dawn il-kalamiti jeħtiegu element rari biex ikunu effettivi. Dan kollu se jagħti spinta lil-pjan tal-Green Deal biex iseħħ mingħajr problemi ta’ skarsezza ta’ elementi rari li seta’ jiġri fil-futur li kieku ma nstabx dan id-depożitu fl-iŻvezja.

Filfatt l-Ewropa kienet ħarġet dokument li jinkludi lista ta’ 30 materjal li jitqiesu bħala Critical Raw Materials. Din il-lista tinkludi bosta metalli bħal lithium, cobalt, magnesium, elementi rari w elementi bħal fosfru. Din il-lista hija mibnija fuq l-importanza ekonomika u l-provvista ta’ dawn il-materjali. Jekk il-provvista tkun skarsa allura dak il-materjal isir kritiku għall-industrija.

Dawn l-elementi huma importanti għal-industrija Ewropeja u mingħajrhom l-industrija tal-elettronika, teknoloġija ħadra, prodotti għad-dar, karozzi elettriċi kif ukoll l-agrikoltura ma jkunux jistgħu joperaw sew. 

Saħaq li issa d-domanda għall-elementi rari ser tiżdied u għalhekk probabbli li l-prezz jiżdied. Pero dan jiddependi mil-provvista u b’din is-sejba il-provvista ser tiżdied u b’hekk tnaqqas il-possibilità ta’ żieda fil-prezz.

“Se tiżgura li l-Ewropa se jkollha riżerva ta’ elementi rari li jkun sigur u li servi għal ħafna snin”

L-Ewropa u d-dipendenza tagħha fuq iċĊina

Iċ-Cina għandha dominanza qawwija fuq il-bejgħ tal-elementi rari u dan ifisser illi tista’ tagħmel pressjoni ekonomika u politika fuq pajjiżi oħra billi twaqqaf l-esportazzjoni ta’ dawn l-elementi lejn dawk pajjiżi. Dan diġà seħħ fil każ tal-Ġappun, meta iċ-Cina waqfet l-esportazzjoni ta’ elementi rari lejn il-Ġappun għal raġuni politiċi u storja ta’ antagoniżmu bejn dawn iż-żewġ pajjiżi. Hemm biża li din it-tattika politika tista’ tintuża kontra pajjiżi oħra industrijaliżati.

Din is-sejba hija importanti għax se tiżgura li l-Ewropa se jkollha riżerva ta’ elementi rari li jkun sigur u li servi għal ħafna snin. B’hekk l-Ewropa ikollha indipendenza fil-provvista ta’ elementi rari meta bħalissa tiddependi kważi għal kollox miċ-Ċina.

Min hu Dr Peter Gatt?

?Dr Peter Gatt studja l-ġeoloġija u l-applikazzjonijiet tagħha fir-Renju Unit (B.A. London, MSc Reading u PhD Durham) u Engineering Geology fl-Università ta’ Cornell (USA). Ir-riċerka tiegħu dwar il-Pjattaforma ta’ Malta hija ppubblikata f’aktar minn 30 pubblikazzjoni u ppreżentata f’konferenzi/lezzjonijiet fir-Renju Unit, fl-UE u fin-Nofsinhar tal-Afrika w ikkontribwiet lejn il-konoxxenza tal-blata kontinentali ta’ Malta u s-sistemi potenzjali tal-idrokarburi u ġeotermali u l-użu industrijali tal-ġebla Maltija. Serva bħala membru fil-Bord tal-Minerali (Awtorità tal-Ippjanar), Bord tal-Wasteserv, Kumitat tal-Protezzjoni Ċivili u bħala ġeologu fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi (Gvern ta’ Malta) u huwa membru tal-kumitati maniġerjali ta’ Azzjonijiet COST dwar il-gass u enerġija ġeotermali. Peter kien lettur fl-Università ta’ Malta u bħalissa huwa akkademiku fl-MCAST u huwa l-President tal-Kamra tal-Ġeoloġi ta’ Malta.

Ekonomija

Sport