Il-programm Creative Europe huwa intiż sabiex jalloka fondi għal proġetti innovattivi u ġodda ffurmati minn individwi u entitajiet li għandhom interess fis-settur tal-Kultura u l-Midja.
L-għan prinċipali ta’ dan il-programm huwa li jiżviluppa u jippromwovi l-kultura Ewropea kif ukoll id-diversità lingwistika u patrimonjali. Minbarra hekk, il-programm jisħaq fuq l-importanza tal-kompetittività, il-koperazzjoni bejn diversi pajjiżi Ewropej, l-innovazzjoni u l-mobilità.
Il-programm għas-snin 2021-2027 ra żieda fil-fondi allokati li laħqu t-2.44 biljun ewro; żieda sostanzjali mill-programm preċedenti.
Kull sena jkun hemm numru ta’ sejħiet, kemm fis-settur tal-Kultura kif ukoll dak tal-Midja. L-idea hija li jinħolqu kollaborazzjonijiet bejn individwi u entitajiet minn diversi pajjiżi bil-għan li jiġu kkreati proġetti ta’ suċċess. Eżempju ta’ dan huma s-sejħiet ‘Culture Moves Europe’ u ‘Music Moves Europe’ fejn individwi jkollhom l-opportunità li jsiefru f’pajjiżi ohra Ewropej sabiex jiżviluppaw dawn il-proġetti. Sejħiet oħra jinkludu l-Cooperation Projects, illi hija mfittxija ħafna fost l-artisti lokali, u l-European Literary Works.
F’dak li għandu x’jaqsam mas-settur tal-Midja, l-iktar sejħiet popolari lokalment jinkludu: il-European Mini Slate Development u t-TV and Online Content. Sejħiet oħra jinkludu: il-Journalism Partnerships, Films on the Move, u l-Video Games and Immersive Content Development.
Għal aktar informazzjoni, wieħed għandu jagħmel kuntatt mat-tim ta’ Creative Europe Desk Malta fuq in-numri 20908990/1 jew billi jżur is-sit www.creativeeuropemalta.mt jew il-Pagna tal-Facebook ‘Creative Europe Desk Malta’.