Wednesday, July 24, 2024

Sejħa pubblika għal ħames maġistrati ġodda

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ġustizzja llum ħareġ sejħa pubblika fil-gazzetta tal-Gvern għal żieda ta’ ħames maġistrati ġodda, li jinkludu erba’ maġistrati addizzjonali u maġistrat ieħor biex jimla l-post ta’ maġistrat li se tkun maħtura mħallef.

Dan il-pass, li sar b’diskussjoni mal-Prim Imħallef Mark Chetcuti, se jkompli jsaħħaħ il-korp tal-ġudikatura u dan b’konformità mal-impenn fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li llum huwa l-pjan ta’ ħidma tal-Gvern.

Din iż-żieda fil-korp tal-ġudikatura qed issir bl-intenzjoni li tibda l-ewwel parti tar-riforma fil-kamp tal-inkjesti maġisterjali. Dan għaliex biż-żieda ta’ erba’ maġistrati addizzjonali, il-Prim Imħallef ser ikun f’pożizzjoni li jassenja erba’ maġistrati dedikati speċifikament fuq l-inkjesti maġisterjali.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, saħaq li din id-deċiżjoni u dan l-investiment se jsaħħu l-bażi għal aktar riformi fis-settur, bl-iskop aħħari jkun li nkomplu mixjin lejn ġustizzja aktar effiċjenti. Huwa tenna li din ser tkun l-ewwel fażi minn riforma ħolistika fejn il-pass li jmiss ser ikun li tinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika r-riforma leġislattiva u amministrattiva.

Din iż-żieda, li ssegwi s-sejħa riċenti ta’ tliet imħallfin ġodda, ser tkompli ssaħħaħ il-korp tal-ġudikatura li diġà huwa l-akbar wieħed fl-istorja tal-Qrati tagħna. Dan ser iwassal ukoll għal żieda fl-ammont ta’ ġudikanti meta mqabbla mal-popolazzjoni, kif kalkolat fl-evalwazzjonijiet internazzjonali tas-sistemi ġudizzjarji.

Dawk interessati għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom bid-dokumenti kollha sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn, 30 ta’ Ottubru 2023, sas-1:00pm lis-Segretarju tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, Qrati tal-Ġustizzja, Valletta.

Ekonomija

Sport