Wednesday, October 23, 2024

Franza pprojbixxiet protesti favur il-Palestinjani

Aqra wkoll

Franza pprojbixxiet għalkollox id-dimostrazzjonijiet u protesti madwar il-pajjiż favur il-Palestinjani. Il-projbizzjoni ta’ dawn il-manifestazzjonijiet seħħet hekk kif il-gvernijiet Ewropej huma beżgħana li s-sentiment ta’ anti-Semitiżmu jikber wara li skattat il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas.

Gruppi favur il-Palestinjani qalu li l-projbizzjoni kienet theddida għal-libertà tal-espressjoni u wiegħdu li se jkomplu juru appoġġ għall-poplu Palestinjan. Minkejja l-projbizzjoni, nhar il-Ħamis eluf ta’ dimostranti Palestinjani nġabru f’Pariġi, Lille, Bordeaux u bliet oħra, u l-pulizija fiċ-ċentru ta’ Pariġi kellhom jużaw gass tad-dmugħ u kanun tal-ilma biex iferrxu l-protesta favur il-Palestinjani.

Il-Ministru tal-Intern, Gérald Darmanin, qal li dawk li jisfidaw din il-projbizzjoni se jiġu arrestati peress li huma suxxettibbli li jfixklu l-ordni pubblika fil-pajjiż. Sigħat wara, il-pulizija għamlu 10 arresti u użaw kanun tal-ilma biex ixerrdu d-dimostranti f’Place de la République f’Pariġi, fejn id-dimostranti kantaw “qtil ta’ Iżrael” u “l-Palestina se tirbaħ” filwaqt li xejru bnadar Palestinjani. 10 persuni oħra ġew arrestati wkoll waqt rally ieħor fil-belt ta’ Lille.

Il-President Emmanuel Macron, f’messaġġ imqanqal appella lin-nies biex ma jiffavorixxux il-firda interna u qal li t-tarka tal-għaqda biss tista’ tipproteġi mill-mibegħda u mill-eċċessi. Fl-indirizz tiegħu bil-vidjo, Macron appella lill-poplu Franċiż biex jibqa’ magħqud u ħeġġeġ biex ma jiżdidux id-diviżjonijiet nazzjonali minħabba l-firdiet internazzjonali.

Macron qal li madwar 13-il ċittadin Franċiż ġew ikkonfermati mejta fl-attakk tal-Ħamas fuq Iżrael nhar is-Sibt filwaqt li 17-il ċittadin Franċiż kienu neqsin u x’aktarx kienu fost l-ostaġġi miżmuma mill-Ħamas f’Gaża. Qal ukoll li Franza qed tagħmel dak kollu li tista’ flimkien ma’ Iżrael u pajjiżi sħab biex jinħelsu l-ostaġġi. Erbat itfal huma fost dawk neqsin.

Filwaqt li Iżrael iddikjara li kellu d-dritt jiddefendi lilu nnifsu billi jelimina t-terroristi, Macron iżda qal li Iżrael għandu jippreserva l-ħajja ċivili għax huwa d-dmir tad-demokraziji. Franza għandha l-akbar komunità Lhudija fl-Ewropa li tammonta kważi 500,000. Il-komunità Musulmana ta’ Franza hija wkoll fost l-akbar fl-Ewropa u tlaħħaq madwar ħames miljuni.

Il-Ministru tal-Intern Franċiż, Gerald Darmanin, qal lir-radju Franċiż li 100 att anti-Semitiku ġew irreġistrati mis-Sibt, il-biċċa l-kbira kienu jinvolvu tpinġijiet mal-ħitan li juru swastika, u kitbiet bħal mewt lil-Lhud u sejħiet għal intifadas kontra Iżrael. Kien hemm ukoll xi inċidenti li kienu jinkludu nies arrestati li ppruvaw iġorru skieken fl-iskejjel u sinagogi.

Il-President tal-Assemblea Nazzjonali Yaël Braun-Pivet u d-Deputat Meyer Habib, li t-tnejn huma Lhud, ġew mogħtija protezzjoni akbar. Dan wara li Braun-Pivet, membru tal-partit ta’ Emanuel Macron, irċeviet theddid ta’ mewt.

Sport