Thursday, December 26, 2024

“Selena kienet titbissem għax kienet ferħana”

Tingħata l-aħħar tislima Selena Gafà, tifla ta’ 7 snin

Aqra wkoll

“Selena kienet titbissem għax kienet ferħana.” Hekk stqarr l-Arċipriet Mons. Daniel Xerri waqt l-omelija fl-aħħar tislima li ngħatat Selena Gafà fir-Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija f’Għawdex.

Selena ħalliet din id-dinja nhar it-Tlieta 21 ta’ Novembru.

Bir-Rotunda ppakjata bit-tfal u anke kbar, l-Arċipriet Mons. Xerri qal li waqt li dalgħodu kien qiegħed jitkellem mat-tfal li magħhom Selena kienet tattendi l-iskola Primarja tax-Xewkija, staqsa lill-istess tfal x’memorja għandhom tat-tifla li ħalliet din id-dinja.

Qal li ħafna mit-tfal qalulu li kienet titbissem… it-tbissima tagħha kienet wisq sabiħa u li kienet titbissem għax kienet ferħana.

Mons. Xerri hekk kif waqt l-omelija kompla jitkellem mal-istudenti preżenti qal li hu u l-familja tagħha jafu sewwa li fl-iskola sabet għajnuna kbira u anke l-istudenti sħabha kienu jieħu ħsiebha biex jaraw li ma kien jonqosha xejn.

Waqt li mbagħad beda jindirizza lill-ġenituri tat-tifla – Chris u Jessica – Mons. Xerri qal li “quddiem tebut żgħir, bla ma trid toħroġlok demgħa anke jekk ma tkunx taf lil min hemm fih… aħseb u ara jekk tkun tafhom.”

Iżda kompla jgħid li “ma nafx jekk id-dmugħ tagħna hux wieħed ta’ niket jew ta’ ferħ. Dmugħ ta’ niket hu wieħed uman, imma ma jistax ikun li ma jkunx dmugħ ta’ ferħ ukoll għax nafu li Selena qiegħda l-Ġenna.” Staqsa x’nistgħu nixtiqulha aħjar u isbaħ minn hekk.

Fi tmiem l-omelija tiegħu, l-Arċipriet tax-Xewkija filwaqt li sellem il-memorja tat-tifla qal “għeżież ġenituri ta’ Selena… illum bintkom qiegħda tgħidilkom grazzi. Anke lilkom it-tfal qiegħda tgħidilkom grazzi. Qed tgħidilkom: ‘intom ħadtu ħsiebi meta kont għadni fid-dinja, issa se nieħu ħsiebkom mill-ġenna jien’”.

Ekonomija

Sport