Sunday, May 5, 2024

L-influwenza ta’ Josephine fuq Napuljun

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Il-prequel “The Hunger Games: The Ballad of Songbirds and Snakes” iddebutta fil-quċċata tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa b’$44 miljun, anqas minn dak previst ta’ $50+ miljun.  Mhemmx paragun mal-opening weekend ta’ “The Hunger Games” li fl-ewwel tliet ijiem meta ħareġ fl-2012 kellu dħul ta’ $152 miljun.  Jidher ċar li -nies donnhom qed jiddejqu jaraw prequels u sequels li ma jirrakkuntaw xejn ġdid.

Fit-tieni post iddebutta “Trolls Band Together” b’dħul ta’ $30.6 miljun.  Anke dan, kellu dħul anqas mill-ewwel film “Trolls” li fl-2016 beda b’$40.6 miljun  fuq l-istess perjodu.

“The Marvels” kompla jiddiżappunta u niżel fit-tielet post.  Fir-raba’ pożizzjoni tal-box office Amerikana iddebutta l-islasher movie “Thanksgiving”.  Fil-ħames post niżel film ieħor mill-ġeneru tal-orrur, “Five Nights At Freddy’s”.

Napoleon

Ftit tal-jiem ilu, d-direttur Ridley Scott iddeskriva lil Malta bħalha ġawhra arkitettonika.  Hekk hu.  Pajjiżna tant joffri xenarju spettakolari, li hu wirt il-kolanjaliżmu li għaddejna minnu, li film ta’ kwalunkwe perjodu u ġrajja storika li seħħet f’kull pajjiż, jista’ jinħadem hawn fostna. 

“Napoleon” mhux eċċezzjoni.  Ridley Scott għamel għażliet tajbin ħafna ta’ fejn iffilmja, partikularment xi battalji li naraw.  Id-direttur kompla jikkonferma li hu s-surmast ta’ film epiku modern.

Niġu għan-narrattiva.  L-iscript ta’ David Scarpa (li kiteb ukoll ta’ “Gladiator 2” u bħalissa għaddej fuq ta’ “Cleopatra” li skont sorsi probabbli ser jinħadem hawn Malta ukoll), ma jagħtina xejn li ma nafux dwar Napuljun u Josephine.  Ftit konfuż fil-bidu ma min mhux familjari mat-taqlib politku li għaddiet minnu Franza immedjatament wara r-rivoluzzjoni tal-1789.  Wara in-narrattiva hi aktar diretta.

Joaquin Phonix jagħti nterpritazzjoni anti-kariżmatika bħala Napuljun Bonaparte.  Joħroġ ċar li Napuljun kien bniedem enigmatiku imma makakk militarment.  Għalkemm il-karattru ta’ Napuljun hu konsistenti matul l-film kollu, nħoss li l-iscript ixaqleb lejn il-karattru ta’ Josephine de Beauharnais (Vanessa Kirby).  Din kienet il-mara li Napuljun kien iħobb, iżżewweġ, inkurunha bħalha r-reġina, iddivorzjha għax ma tatux wild maskili, u wara xorta baqa’ jħobbha u jmur fi ħdanha.  Tant kien iħobbha, li meta Napuljun mar l-Eġittu fuq missjoni militari u ġie mgħarraf li Josephine kienet qegħda tara raġel ieħor, irrabja imma xorta baqa’ jħobbha.

Il-film jibda minn meta Napuljun kien għadu fil-bidu tal-karriera tiegħu, bħala uffiċċjal promettenti fl-armata u assista għall-mewt bil-giljottina ta’ Marie u jeħodna.  Dan jibqa’ sejjer sakemm ġie eżiljat fuq il-gżira ta’ Santa Elena fin-naħa t’isfel tal-oċejan Atlantiku.

Il-film mill-ewwel jibda b’saħħtu, hekk kif ta’ 24 sena, Napuljun imexxi s-suldati Franċiżi biex b’mod brillanti jieħdu lura l-fortizza u l-belt ta’ Toulon.  Din il-battalja ġiet iffilmjata f’Malta.  Kemm huma sbieħ is-swar tagħna!  Hi xena ftit vjolenti wkoll billi naraw balla ta’ kanun tolqot sider iż-żiemel li fuqu kien riekeb Napuljun.

Din il-battalja hi ffilmjata b’mod spettakolari bħall-ħames battalji l-oħra li Ridley Scott għażel li jippreżentalna.  Minnu wkoll li naraw xeni makabri, fosthom armata sħiħa tegħreq meta jiġi mifqugħ wiċċ għadira ffriżata fil-battalja ta’ Austerlitz.  Imma liema gwerra mhix makabra!  Mill-banda l-oħra, fil-fehma tiegħi, stennejt xi ħaġa aħjar għas-sekwenza tal-battalja ta’ Waterloo.

Ridley Scott ma jaħbix mumenti fejn toħroġ l-umanità ta’ Napuljun,  Ngħidu aħna, meta hu kien imwerwer u jaqa’ t-taraġ waqt il-kolp ta’ stat tal-1799 li wassal biex sar il-Konslu Ewlieni ta’ Franza.  

Ridley Scott ma jiddiżappuntax fil-famuża xena ta’ l-inkurunazzjoni ta’ Napuljun bħala Imperatur li seħħet fit-2 ta’ Diċembru 1804.  Suppost il-kuruna kellha titpoġġa fuq rasu mill-Papa Piju VII.  Napuljun ħa ir-replika tal-kuruna ta’ Karlu Manju u ressaqha hu fuq rasu.  Wara inkurunat lill-martu Josephine.

Jien naħseb li finalment, Ridley Scott ried jagħmel evalwazzjoni tal-karriera ta’ Napuljun fil-kuntest ta’ kemm Josephine kellha poter fuqu.  Jekk dan hu li xtaq id-direttur, jista’ jkun li l-ispettaklu tal-battalji jissagrifika l-veru sustanza tal-film.

“Napoleon” hu kklassifikat 15 minħabba xeni ta’ vjolenza mdemmija; dettal fuq il-korriment u xeni ta’ sess.

Sport