Saturday, May 18, 2024

12-il sena ħabs talli daħħal f’pajjiżna 7.2 kg kannabis

Aqra wkoll

Rumen ta’ 36 sena ntbagħat 12-il sena wara li ammetta flok għadda ġuri li daħħal f’pajjiżna 7.2 kilogrammi ta’ kannabis, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Tiberiu-Mihail Miculescu kien inqabad bid-droga nhar il-11 ta’ Settembru tal-2019, mal-wasla tiegħu bil-katamaran minn Sqallija. Dakinhar, l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga flimkien ma’ uffiċjali tad-Dwana, kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fuq karozzi u passiġġieri li kien għadhom kif waslu minn Pozzallo.

Miculescu kien twaqqaf wara li kelb mill-Canine Unit beda juri interess partikolari f’vettura sewda tal-għamla BMW X5. Saret tfittxija f’din il-vettura li għall-ewwel irriżultat fin-negattiv. Però minn aktar tfittxijiet instabet id-droga moħbija f’kompartament fuq in-naħa ta’ wara tal-vettura.

B’kollox instabu 47 pakkett f’din il-vettura. Wara aktar analiżi minn espert tal-Qorti, irriżulta li l-piż tal-kannabis kienet ta’ 7.2 kilogarammi, b’purità ta’ madwar 28%. Il-valur tad-droga li kieku nbiegħet dak iż-żmien kien ta’ bejn €72,000 u €201,600.

Miculescu ammetta l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, bl-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tikkundannah għal piena ta’ 12-il sena priġunerija u multa ta’ €25,000.

Sport