Wednesday, November 6, 2024

SELF JEW ISHMA?

Aqra wkoll

Għadha għaddejja l-istorja ta’ kif l-Unjoni Ewropea se tiżviluppa aħjar is-settur tal-investiment privati. Fl-Istati Uniti, dan jiġri bil-kbir permezz ta’ kumpaniji li jiġbru fondi privati biex jaħdmu bihom billi jbigħu l-ishma tagħhom lill-“pubbliku”.

Il-flus li jdaħħlu mill-ishma jagħtu vuċi ta’ “sid” lil min jixtrihom. Fuq dawn l-ishma l-kumpaniji ma jħallsux imgħaxx. Jekk ma jagħmlux profitti, ma jħallsu xejn lil min xtara l-ishma. Jekk jagħmlu, jaqsmu magħhom parti mill-profitti.

Fl-Ewropa, l-affarijiet huma differenti. Il-kotra tal-azjendi Ewropej jippreferu jissellfu mingħand il-banek biex imexxu n-negozji u l-investimenti tagħhom. Dan ifisser li fuq li jkunu ssellfu, jiġri x’jiġri, iridu jħallsu l-imgħaxx. Fl-aħħar snin, l-imgħaxx kien baxx ħafna. Dan l-aħħar beda jiżdied u se jibqa’ għoli.

Xejn mhu qed jinkiseb suċċess fil-ħidma biex id-ditti Ewropej iduru lejn il-mudell Amerikan ta’ kif imexxu l-affarijiet. U d-ditti Ewropej li jitħajru mill-mudell Amerikan qed appuntu, imorru fl-Istati Uniti biex iwettquh!

PRIVATIZZAZZJONI

Il-privatizzazzjoni tal-azjendi tal-gvern m’għadux jitqies bħala l-aqwa mod kif iddaħħal effiċjenza fis-servizzi publiċi. Jew għadu?

Uħud iva, għadhom jaħsbu li jekk il-gvern ibigħ lill-privat ikun qed jassigura li l-proġetti li f’idejh qed imorru lura, f’idejn oħra se jinbidlu fi stillel.

Mur emmen. L-ewwel qasam li ġie privatizzat f’dal-pajjiż kienu x-“xogħlijiet publiċi” (“public works” konna nsejħulhom) tal-gvern. Qasam li fi żmien l-ewwel amministrazzjoni ta’ Fenech Adami ġie żmantellat u l-ħidmiet tiegħu ngħataw lis-settur privat. Illum il-gvern jgħaddi b’kuntratti lis-settur privat ix-xogħlijiet ta’ bini li jeħtieġ.

Hawn xi ħadd jemmen li b’hekk żdiedet l-effiċjena? Jew li naqset il-ħala?

KORPI DIXXIPLINATI

Il-korpi dixxiplinati twaqqfu biex iwettqu ħidma ta’ sigurtà publika li ma tistax tieqaf. Sa mill-imgħoddi, min jidħol għal dax-xogħol kien ikollu trattament ta’ paga u ta’ irtirar favorevoli mqabbel ma’ ta’ ħaddieħor. Wara 25 sena servizz, kont tista’ tirtira b’pensjoni aktar minn adekwata. Imma bħala impjegat f’korp dixxiplinat, ma stajtx tistrajkja u kont tista’ tissejjaħ għax-xogħol anke barra l-ħinijiet ta’ ħidma kull meta tinqala’ emerġenza.

Daż-żmen, jidher li ntilfu bosta mid-distinzjonijiet bejn il-ħidma tal-korpi dixxiplinati u l-bqija tas-servizz publiku. Il-ħidma li biha jiġi żgurat l-aħjar ħarsien taċ-ċittadini f’termini ta’ sigurtà jixirqilha kundizzjonijiet speċjali kemm f’dak li timponi bħala obbligi ta’ fuq ix-xogħol, kemm imbagħad fil-benefiċċji li toffri. Xorta madankollu irid ikun hemm mekkaniżmu, ħieles minn kull indħil, li jiżgura li meta jqumu ilmenti dwar it-trattament li qed jiġi mogħti lill-ħaddiema fis-setturi konċernati, dawn jiġu deċiżi b’mod ġust, imparzjali u mingħajr dewmien.

Sport