Sunday, November 24, 2024

Seminar dwar il-ġestjoni tal-assi tal-BOV jiddiskuti l-aħjar prattiċi fil-qasam tal-investiment

Aqra wkoll

Grupp ta’ ħaddiema tal-Bank of Valletta, ewlenin fosthom bankiera universali u kunsulenti finanzjarji minn madwar in-netwerk tal-Bank, ċentri ta’ investiment, u t-taqsima tal-Private Banking, attendew għal seminar organizzat mill-BOV Asset Management (BOVAM) aktar kmieni dan ix-xahar.

Kif spjega Simon Azzopardi, Chief Personal and Wealth Officer tal-Bank of Valletta, “Dan is-seminar ipprovda opportunità unika għan-nies tagħna biex jiltaqgħu mal-maniġers li jieħdu ħsieb il-portafolli fil-BOV Asset Management u jaqsmu l-aħjar prattiċi fil-qasam tal-investimenti.”

Filwaqt li qabel mal-kummenti tas-Sur Azzopardi, Mark Agius, li jmexxi l-BOV Asset Management, sostna li fil-qasam tal-investimenti, klijenti sodisfatti u stejjer ta’ suċċess jiddependu ħafna mis-servizz personali offrut minn konsulenti finanzjarji u bankiera universali, kif ukoll għarfien profond tal-ħtiġijiet tal-klijenti.

Il-preżenza ta’ esperti li jagħtu l-appoġġ tagħhom tiżgura li klijenti minn kull qasam tal-ħajja jirċievu l-livell xieraq ta’ gwida matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. “Huwa għalhekk li l-BOV Asset Management jinvesti ħafna fil-maniġers tal-portafoll tiegħu u jieħu kull opportunità biex iżomm djalogu b’saħħtu u miftuħ madwar l-organizzazzjoni, dejjem bil-klijent fuq quddiem nett ta’ dak kollu li nagħmlu.”

Is-seminar beda b’ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi numerużi li qed jieħu l-Bank biex irawwem għarfien dejjem aktar robust tal-klijenti. “Matul ix-xhur li għaddew, għamilna sensiela ta’ taħditiet dwar l-għarfien bażiku dwar l-investiment. Ir-rispons mill-pubbliku kien inkraġġanti ħafna, tant li dalwaqt se nkunu qed inniedu sett ġdid ta’ sessjonijiet f’fergħat differenti madwar in-netwerk tal-Bank,” spjega s-Sur Agius.

Is-seminar kien jinkludi interventi mill-Portfolio Managers tal-BOVAM, li pprovdew ħarsa ġenerali lejn ix-xejriet tas-suq lokali u dak barrani. Huma rreferew għall-Indiċi tal-Kunfidenza ta’ Min Jissellef (Borrowers Confidence Index), li jikkorrobora s-sett ta’ tbassir ekonomiku, li jindika li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta fl-2023 x’aktarx li jkun inqas mill-2021 u l-2022 rispettivament, iżda possibbilment ogħla mill-medja fit-tul. Saret referenza wkoll għall-fatturi ewlenin fis-swieq barranin, inkluż l-azzjonijiet li qed jittieħdu mill-banek ċentrali u l-wirja tas-swieq bħaċ-Ċina, li l-irkupru tagħha wara l-pandemija għadu lura mill-aspettattivi.

Fost il-kelliema mistiedna kien hemm Tonia Parascandolo, li tmexxi t-taqsima ta’ Bancassurance tal-Bank. Hija pprovdiet għarfien dwar il-perċezzjonijiet tas-suq u l-għarfien dwar il-pensjonijiet, li jvarjaw mill-pensjoni tradizzjonali tal-istat għall-għażla ta’ pjanijiet tal-pensjoni personali disponibbli taħt it-tielet pilastru.

Clint Azzopardi Flores, li jmexxi s-sezzjoni tal-ESG tal-Bank, għamel preżentazzjoni li tqanqal il-ħsieb dwar il-kuntest storiku li wassal għall-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima (2015) għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Huwa ddeskriva wkoll l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE, u spjega l-implikazzjonijiet tat-tranżizzjoni għal enerġija aktar nadifa, anke fuq istituzzjonijiet finanzjarji li issa huma obbligati li jiżguraw li l-finanzjament tagħhom ikun konformi mal-għanijiet tal-UE dwar il-klima. Azzopardi Flores spjega li t-tranżizzjoni ekoloġika se tiddependi ħafna fuq realtajiet ġeopolitiċi ġodda u emerġenti. Dan ix-xenarju se jkollu impatt fuq l-investituri u l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom jiddeċiedu fejn jinvestu.

Fil-kapaċità tiegħu bħala Chairman tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Assi tal-BOV, is-Sur Romeo Cutajar għalaq is-seminar. Huwa sostna kif il-Kumitat jappoġġa u jissorvelja l-ħidma tal-Portfolio Managers, filwaqt li jiżgura li tinżamm governanza tajba tul il-proċess li jgħaddu minnu l-klijenti meta jagħżlu l-aktar toroq xierqa ta’ investiment.

Simon Azzopardi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal-livell ta’ diskussjoni matura u parteċipazzjoni attiva matul l-avveniment. “Li naraw lin-nies tagħna jaħdmu tajjeb flimkien u nappoġġjaw lil xulxin jimmotivana biex naħdmu aktar. Esperjenzi bħal dawn joffru lok għal qsim akbar ta’ ideat, li fl-aħħar mill-aħħar jippermettulna nwasslu esperjenza ferm aħjar lill-klijenti tagħna.”

Sport