Monday, May 13, 2024

Politika ġdida dwar proġetti għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli offshore

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern nieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewwel politika nazzjonali għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli offshore. Dan se jkun ifisser li għall-ewwel darba investituri privati se jkollhom viżibiltà fuq attività ta’ proġetti ta’ enerġija nadifa fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ Malta.

Waqt it-tnedija ta’ dan id-dokument, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet li dan il-pass se jkompli jikkontribwixxi għall-pilastri li fuqhom il-Gvern qiegħed jibbaża l-politika tiegħu tal-enerġija. Dawn huwa d-dikarbonizzazzjoni, is-sigurtà fil-provvista, id-diversifikazzjoni tas-sorsi, l-affordabbiltà u li l-konsumatur jibqa’ fiċ-ċentru ta’ dak kollu li jagħmlu.

Il-Ministru Dalli qalet li minkejja li diġà saru numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet u xi NGOs li wrew interess, se ssir konsultazzjoni pubblika fuq din il-politika nazzjonali ġdida. “Irridu li niftħu l-bibien għal sorsi ta’ enerġija differenti bħalma hi l-enerġija li ġejja mix-xemx u mir-riħ, sakemm tkun enerġija nadifa u rinovabbli,” qalet il-Ministru Dalli.

Hija tenniet li din il-politika tagħti wkoll viżibilità taż-żoni speċifiċi ta’ proġetti ta’ enerġija mir-riħ “floating offshore”. Dawn iż-żoni ntgħażlu wara konsiderazzjonijiet varji li saru li jinkludu fost oħrajn il-fond, l-attività marittima fil-madwar, grid u connection points, u l-protezzjoni ambjentali ta’ diversi speċi nkluż l-għasafar fost oħrajn.

Il-Ministru Dalli spjegat ukoll li ġew identifikati wkoll dak magħrufa bħala l-“extended low risk zones”, li huma dawk iż-żoni li qegħdin jara li huma l-aktar ideali għal proġetti bħal dawn. Fl-istess waqt biex ikun iffaċilitat il-proċess amministrattiv u anke l-permessi relatati se jiġi stabbilit one stop shop illi se jaġixxi bħala punt ta’ referenza għall-investituri interessati.

Hija temmet tħeġġeġ lil dawk kollha interessati sabiex jipparteċipaw f’dan il-proċess, bid-dokument jinsab aċċessibbli online u l-perjodu ta’ konsultazzjoni tagħlaq fl-aħħar ta’ Settembru.

Wara li tagħlaq il-konsultazzjoni pubblika, issir analiżi tas-sottomissjonijiet biex imbagħad tiġi aġġornata l-politika skont ir-rispons differenti tal-istakeholders. Sussegwentement se tkun qiegħda tinħareġ sejħa internazzjonali għall-espressjoni ta’ interess u kapaċità u f’dan il-proċess se jkunu listes numru ta’ bidders li wara jkunu mistiedna sabiex jissottomettu proġetti konkreti b’sejħa oħra (request for proposals).

Sport