Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
L-atletika minn dejjem kienet togħġobni, sfortunatament ma bdejtx qabel.
Għamilt żmien immur il-gym, imbagħad fl-2019 bdejt niġri distanzi qosra regolari u bdejt nieħu gost nara progress fil-ħin. Fi żmien il-COVID-19 tħajjart nibda ‘Trail Running’ u maż-żmien bdejt inżid fid-distanza ukoll. Bdejt nittrenja mal-kowċ Fabio Spiteri u bis-saħħa tiegħu illum nikkompeti fil-Full Marathons u Ultra Marathons.
Kif għazilt li tispeċjalizza fl’ OCR?
Inzertajt kont xogħol f’tellieqa li ssir lokalment u għidt xi darba nixtieq li nkun kapaċi nikkompeti f’dan l-isport. Oħti bdiet tmur classes ‘The Club Fitness Centre’ u tħajjart nibda nagħmel xi classes. Peró, meta applikajt biex nikkompeti faqqgħet il-COVID-19. F’dan il-perjodu kien ikolli iktar cans nittrenja. Bis-saħħa tal-kowċ Julian Briffa kif ħriġna mill-pandemija, bdejt nikkompeti f’dan l-isport.
X’suċċessi maġġuri rbaħt fil karriera tiegħek sa issa?
Inħoss li bdejt tard biex nikompeti u nlaħħaq ma’ atleti li ilhom snin jittrenjaw. Peró, fit- tlielaq tat-trail running qed intejeb il-ħinijiet personali. Fis-sena 2024 ġejt l-ewwel fis-sezzjoni tal-etá tiegħi fit-Trail Running league lokali. Iżda l-akbar suċċess personali kien li rnexxieli nagħmel diversi distanzi twal hekk imsejħa ‘Ultra’. F’Diċembru li għadda għamilt 107km f’tellieqa lokali imsejħa ‘Back Yard Ultra’.
Kif tqies il livell ta’ l-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell fejn jidħol atletika fit-trakka qed jikber u f’dawn l-aħħar snin sar progress fil-faċilitajiet.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il kompetizzjonijiet tagħkom?
Il-livell qiegħed dejjem jikber peró għal min iħobb jikkompeti f’Road races m’hawnx faċilitajiet biżżejjed fejn ttitħarreġ. Infatti ħafna drabi aħna nittrenjaw fit-toroq Ta’ Qali. Inħoss li hemm potenzjal li ssir żona għal taħriġ specjalizzat mingħajr traffiku. Fejn jidhol l-OCR, bis-saħħa ta’ klabbs privati saru investimenti kbar fejn wieħed jista jmur jitħarreġ b’ostakli diversi.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Fil-futur nixtieq nikkompeti f’OCR, Maratoni u Ultra races kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna u nibda nitħarreġ fi sports ieħor bħat-triathlon.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl’atletika.
Il-messaġġ tiegħi hu li qatt m’hu tard biex tibda. L-isport hu tajjeb kemm għas-saħħa fiżika kif ukoll għas-saħħa mentali. Sempliċiment mixja jew ġirja kuljum tibdillek ħajtek!