Raġel bla saqaf fuq rasu kien ikkundannat sena ħabs wara li ammetta li seraq basket, airpods u xi oġġetti oħra li l-valur tagħhom jaqbeż il-€232.94ċ.
Abdulaziz Abdikadir Hassan ta’ 49 sena mis-Somalja, wieġeb ħati li wettaq dan is-serq fl-1 ta’ Settembru li għadda fi Spinola Park, San Ġiljan, u li għex ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Monica Vella kkunsidrat l-ammissjoni tiegħu, iċ-ċirkostanzi tal-każ, il-fedina penali tiegħu u l-fatt li l-oġġetti misruqa kienu ġew irkuprati.
Filwaqt li kkundannatu 12-il xahar priġunerija effettivi, il-Maġistrat Vella ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin kontra l-ħati u favur il-vittma għal żmien sentejn.