Tuesday, September 24, 2024

L-iskeda tal-fast ferry eżistenti se tiġi estiża għas-sena kollha

Aqra wkoll

L-iskeda preżenti tal-fast ferry se tiġi estiża tul is-sena kollha. Ħabbaru dan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar fejn qalu li dan ifisser aktar vjaġġi frekwenti bejn il-gżejjer.

Fil-fatt, wara diskussjonijiet mal-operaturi tas-servizz, il-gvern se jkun qed jinvesti €1.3 miljun sabiex l-iskeda tal-vjaġġi tkun fissa u ma tinbidilx minn perjodu għal ieħor kif ukoll biex jiżdiedu t-traġitti bejn il-Port il-Kbir fil-Belt Valletta u l-Port tal-Imġarr f’Għawdex.

Minister for Transport, Infrastructure and Public Works Chris Bonett and Minister for Gozo and Planning Clint Camillieri launch Gozo Fast Ferry Improved Schedules

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, stqarr li tliet snin wara li l-gvern implimenta l-wiegħda tiegħu u introduċa dan is-servizz issa kompla jistinka sabiex itejbu. Il-Ministru tenna r-rieda tiegħu sabiex jiġi sfruttat bl-aqwa mezz it-trasport bil-baħar.

“Kif kelli ċ-ċans nitkellem f’intervista riċenti, nemmen li l-baħar huwa mezz tat-trasport li mhuwiex utilizzat biżżejjed f’dawn il-gżejjer. Għalhekk bħala gvern qegħdin nindirizzaw din in-niċċa bil-għan illi tkun prijorità ewlenija fl-Istrateġija usa’ tal-Gvern għat-trasport u l-mobbiltà.”

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, qal li sa minn meta ġie introdott dan is-servizz, lura fit-tieni kwart tas-sena 2021, tali servizz esperjenza tkabbir fl-ammont ta’ klijenti li jużaw il-fast ferry biex jaqsmu minn Għawdex lejn il-Belt Valletta u lura b’mod effiċjenti u sigur.

“Fil-fatt, fl-ewwel sena tal-operat, il-fast ferry ġarr madwar 365,000 passiġġier. Matul l-2023, dan l-ammont tela’ għal 693,000 filwaqt li fl-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena, s-servizz diġà ġie utilizzat minn aktar minn 409,000 persuna. Dan kollu jikkonferma kemm dan is-servizz, li kien hawn min kien xettiku minnu u kkritika l-operat tiegħu, hu mfittex, u dan għal raġunijiet ovji,” sostna l-Ministru Camilleri.

L-operaturi ta’ Gozo Highspeed LTD saħqu illi jilqgħu din l-inizjattiva mill-gvern li ser tkun qed tipprovdi għall-ħtiġijiet tal-Maltin, Għawdxin u turisti. “Bħala l-operaturi tal-Fast Ferry irċevejna rispons pożittiv ħafna dwar is-servizz u ninsabu ċerti li din l-inizjattiva se tiggarantixxi servizz saħansitra aktar effiċjenti lill-klijenti kollha tagħna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport