Għaddiet sena mill-qtil ta’ Paulina Dembska, każ li xxokkja pajjiż sħiħ. Kien proprju bħal-lum sena, meta Demsbka, Pollakka ta’ 29 sena, inqatlet u sfat stuprata fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.
B’rabta ma’ dan il-każ, qed jiġi mixli Abner Aquilina ta’ 21 sena li qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bil-każ fil-konfront tiegħu, li jinsab fi stadju ta’ kumpilazzjoni, għadu għaddej.
Id-delitt ta’ Dembska qanqal diskussjoni sħiħa fil-pajjiż dwar jekk kellux jitqies bħala femiċidju permezz ta’ bidla fil-liġi. Fi Frar li għadda il-Gvern ħabbar il-liġi dwar il-femiċidju li kienet approvata b’mod unanimu fil-Parlament fl-20 ta’ Ġunju.
Permezz ta’ din il-liġi, il-femiċidju issa huwa kkunsidrat bħala offiża separata, li jwassal biex f’każ ta’ reat simili, il-pieni jkunu eħrex. Il-liġi tipprovdi wkoll li omiċidju b’karatteristiċi ta’ femċidju jkun eskluż milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli minħabba li jkun twettaq f’mument ta’ passjoni.
Sadanittant, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Girgor il-Kbir, f’Tas-Sliema, illejla mistennija ssir quddiesa li tfakkar il-mewt ta’ Dembska segwita minn mixja sa Ġnien l-Indipendenza.