Friday, December 13, 2024

SENA MITLUFA?

Aqra wkoll

Kienet sena “mitlufa” din minħabba l-pandemija tal-Covid? U ta’ qabilha l-istess?

Żgur li r-ritmu tat-tkabbir ekonomiku ma baqax l-istess. Imma forsi purament minn dan il-lat, ħabat tajjeb li ġiet hekk.

Igħidu xi jgħidu, l-isforzi fl-Ewropa (u barra minnha fejn qed jittieħdu bis-serjetà) biex idaħħlu miżuri li jħarsuna mit-tisħin tal-klima kellhom iġibu magħhom żminijiet meta l-ekonomija Ewropea riedet tħaddem il-brejks. Bla dubju dan kien se joħloq reżistenza politika f’ħafna oqsma tas-soċjetà.

Minħabba t-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku tort tal-Covid, il-piżijiet li bdew jew se jibdew idaħħlu l-miżuri “ħodor” ma nħassux daqshekk… jew inħallu fid-dwejjaq tal-Covid. Dwar din tal-aħħar, sar kull sforz biex l-effetti tagħha jitrażżnu. Dwar il-proġett kontra t-tisħin tal-klima, il-programm Ewropew baqa’ miexi ġmielu… għalkemm qed jaqa’ lura fuq il-kalendarju stabbilit għalih fil-bidu.

F’das-sens għalhekk, lanqas nistgħu nsejħu s-sena 2021 waħda mitlufa. U lanqas ta’ qabilha wara kollox.

***

KRISTU MIT?

L-istorja tat-twelid ta’ Ġesu Kristu fi stalla fi żmien ċensiment li sar fil-Palestina tista’ titqies bħala mit? Jiġifieri storja sabiħa li timlina bil-ferħ tal-istaġun u għalhekk għandna ngħożżuha? Jew għandha titqies bħala fatt storiku?

Lil hinn mill-Kotba Imqaddsa tal-Insara, minn kitbiet bikrin ta’ nies li ma kinux Insara, jirriżulta li Kristu tassew kien personalità storika; jew talanqas fi żminijiet bikrin, kien hemm nies li taw xhieda ta’ dak li wettaq u ġarrab f’ħajtu. Madankollu, din ix-xhieda ma tidħolx fil-mistoqsija dwar jekk twelidu sarx kif niċċelebrawh li sar. Personalment niddubita ħafna li ġara hekk imma ma nara l-ebda raġuni għaliex mit jew mhux mit, l-istorja tal-Milied m’għandhiex tibqa’ tiġi ċelebrata bl-akbar għożża.

***

L-EWRO

Apparti mill-fatt li kulħadd iħossu aktar komdu li bl-ewro jista’ jivvjaġġa ma’ parti kbira mill-Ewropa mingħajr il-bżonn li ta’ kull darba jsarraf il-flus, l-ewro bħala munita qed taqdina tajjeb?

Bih għoliet, naqset, baqgħet l-istess l-ispiża tal-esportazzjoni Maltija? Għamilna aktar jew anqas kompetittivi fuq skala tat-tul milli konna bil-lira Maltija?

Veru li l-ewro għabbiena b’piżijiet kbar ta’ djun matul il-kriżi finanzjarja tal-2008 – 2010, la konna parti miż-żona tiegħu? Jew il-fatt li konna msieħba fiż-żona tal-ewro ħelisna minn ħafna mill-għawġ ta’ dik il-kriżi?

L-ewro serva biex ikompli jinkaxxa l-ekonomija Maltija f’servizzi finanzjarji li jiddependu ħafna mit-taxxi baxxi li niċċarġjaw waqt li nagħlqu għajnejna dwar kif u minn fejn ġejjin il-fondi?

Sa issa għadni ma smajtx tweġibiet oġġettivi għal dawn il-mistoqsijiet u oħrajn simili.     

AWGURI…

… għal Milied hieni lill-editur u l-istaff ta’ talk.mt u lill-qarrejja kollha.

Ekonomija

Sport