Sunday, December 29, 2024

“Sena oħra mhux se jkollna dawn il-problemi”

Is-Sindku tal-Belt se jissuġġerixxi bylaw fid-dawl tal-kwistjoni tat-tfixkil li nqalgħet waqt il-purċissjonijiet tal-Belt Valletta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għadna kemm iċċelebrajna l-Ġimgħa Mqaddsa bil-kulminazzjoni tal-festa tal-Għid il-Kbir u bħala poplu Kattoliku li jħaddan dawn it-tradizzjonijiet b’għożża u serjetà, sitwazzjoni li nqalgħet proprju waqt il-purċissjonijiet fil-Belt Valletta, wasslet biex l-organizzaturi talbu għal azzjoni urġenti mill-awtoritajiet. Dan minħabba li ngħad li kien hemm “ripetizzjoni ta’ tfixkil sfaċċat” waqt il-purċissjonijiet tal-ġimgħa li għaddiet fejn matulhom, għadd ta’ stabbilimenti poġġew imwejjed tul Triq il-Merkanti u daqqew il-mużika.

Talk.mt tkellem mas-Sindku tal-Belt, Alfred Zammit, fejn filwaqt li spjega li fl-opinjoni tiegħu kien hemm nuqqas ta’ ftehim, huwa wiegħed li sena oħra mhux se jerġa’ jkun hemm dawn il-problemi. Dan billi fost l-oħrajn se jissuġerixxi bylaw, infurzar, kif ukoll kjarezza fost dawk is-sidien tal-ħwienet ġodda li ma kienux jafu x’jiġri normalment fi żmien dawn il-festi.

“Sena oħra mhux se jkollna dawn il-problemi. Wieħed mis-sidien li kellimt personalment qalli li ma kienx jaf li jrid jagħmel dan kollu. Jiġifieri dawn, mhux kollha għamlu bi ksuħat. Fl-opinjoni tiegħi din hija aktar kwistjoni ta’ misunderstanding. Dan il-persuna li fetħet sentejn ilu ma laħqitx Ġimgħa Kbira oħra minħabba l-pandemija”. Hekk spjega s-Sindku tal-Belt fuq il-kwistjoni li, għal darb’oħra, irrepeta li hemm min qiegħed jagħti l-impressjoni li hemm rebus sħiħ mentri fil-verità, il-maġġoranza tal-ħwienet obdew u ġabu rispett.

Il-Ġimgħa l-Kbira ilha ma ssir tliet snin…

Zammit speċifika li kien hemm tliet ħwienet li dwarhom għandu informazzjoni li jew ma obdewx apposta jew għax ma kienux jafu għax il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ilha ma ssir tliet snin. Huwa kkonferma li, “kien hemm min ma obdiex imma, min ma obdiex lil min kellimt jien bħala Sindku tal-Belt Valletta, wieħed minnhom huwa barrani li qatt ma laħaq il-Ġimgħa Imqaddsa għax kellna l-pandemija tal-Covid-19. Kien għadu jiftaħ u ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel bl-imwejjed u s-siġġijiet. Jiġifieri l-ħaġa kienet ġenwina. Ma kinitx xi ħaġa apposta”.

Min-naħa l-oħra, is-Sindku qal li, “kien hemm ukoll xi ħadd li tkessaħ u għolla l-mużika. Jien ħa nissuġġerixxi bylaw biex meta jkun hemm purċissjoni, hi x’inhi, tibqa’ għaddejja u l-mużika ma tkunx tista’ tindaqq. Li ġara huwa li kien hemm żewġ ristoranti li l-imwejjed ħallewhom mal-ġenb tat-triq u allura n-nies ma setgħux jgħaddu. Dawn iridu jżarmaw totalment u mhux jitfgħu kollox fil-ġenb”.

Zammit spjega li min għandu ħanut żgħir u/jew take-away, ma għandux fejn ipoġġi l-imwejjed u s-siġġijiet. Għaldaqstant, se jissuġerulhom bħala soluzzjoni li jkollhom vann li jħalluh ximkien fil-viċin, fejn fih ikunu jistghu jitfgħu l-imwejjed u s-siġġijiet.

“Imma fit-triq ma jistgħu jagħmlu xejn. Dan hemm ftehim li ilu s-snin, bejn il-Kunsill Lokali, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Knisja fejn noħorġu lista ta’ purċissjonijiet minn qabel ħalli l-ħwienet ikunu jafu. Nagħtuhom kollox ta’ sena sħiħa. Issa kien hemm min ma obdiex, bħalma hemm min m’għandux kuntrattur tal-iskart,” kompla dan is-Sindku.

Zammit qal li l-importanti huwa li hemm din il-lista u għamel appell biex kuħadd biex jimxi magħha. Is-Sindku tal-Belt temm jgħid li, nafu liema huma l-purċissjonijiet relatati mal-festi u kulħadd għandu jobdi. Mhux inressqu l-imwejjed u s-siġġijiet mal-ġenb, imma li nneħħu l-għamara kollha mit-triq”.

Ekonomija

Sport