Monday, May 6, 2024

It-tabib qalilha li għandha t-tunsilli fjammati … minn tiftix fuq Google indunat li għandha l-lewkimja

Ingliża ta’ 22 sena u omm ta’ tifel

Aqra wkoll

Mara ta’ 22 sena u omm ta’ tifel minn Gateshead (l-Ingilterra) li bdiet tesperjenza diversi sintomi, minn riċerka li għamlet fuq l-Internet irnexxielha tinduna li għandha l-lewkimja – dijanjożi li waslet għaliha qabel it-tobba stess skont il-Midja Ingliża Metro.

Chloe-Leigh Todd għamlet xahar sħiħ tesperjenza għadd ta’ sintomi kontinwi — fosthom uġigħ fi griżmejha, tistenbaħ għarqana xraba, dardir fl-istonku fejn saħansitra kienet tneħħi l-ikel, u bdiet tinnota wkoll tnaqqis fil-piż — sakemm fl-aħħar iddeċidiet li tikkonsulta tabib.

Waqt telefonata li kellha mat-tabib tal-familja fir-Rebbiegħa tal-2020, huwa qalilha li għandha t-tunsilli fjammati. Però, b’sorpriża għaliha, meta ddeċidiet li tfittex iżjed informazzjoni fuq Google dwar is-sintomi tagħha, ħadet waħda mill-ikbar ħasdiet ta’ ħajjitha: skopriet li kienet qed tesperjenza s-sintomi li jkollhom persuni bil-lewkimja. Infatti, il-kelma ‘lewkimja’ kienet l-ewwel ma feġġet bħala riżultat. Sadanittant, kulħadd kien qed jaħsibha li qed tiffissa.

Minn hemm ħasset li jkun aħjar jekk tmur tagħmel vista għand tabib. Wara li għamlet it-testijiet meħtieġa, ir-riżultati ma indikawx li għandha l-lewkimja u baqgħet sejra immedjatament l-isptar għaliex bdiet tħoss li hemm xi ħaġa gravi f’ġisimha: “Kull persuna tkun drat il-mod kif jaħdem ġisimha; jiena għal xi raġuni bdejt inħoss li hemm xi ħaġa serja fin-nofs,” qalet Chloe skont mhu rrappurtat mill-Midja Ingliża Metro.

Meta kkonfermawlha li għandha l-lewkimja, hija qalet li l-ewwel ħsieb li għadda minn moħħha kien li se tmut; però, l-iżjed parti iebsa f’dan kollu kienet illi bdiet tibża’ li mhux se jkollha l-opportunità li tara lil binha jikber u jieħu l-istat tiegħu.

Lil Chloe tawha ftit ġimgħat ħajja għaliex il-kanċer kien laħaq infirxilha sew, u bdewlha t-trattament meħtieġ mill-għada li tawha r-riżultat. Bis-saħħa ta’ intervent mediku li sarilha flimkien mat-trattament tal-kimoterapija rnexxielha tegħleb il-battalja kontra l-kanċer b’suċċess.

Sport